Sinodu 2021-2023

Il-Knisja hija msejħa għas-Sinodu. Din is-sejħa għamilha il-Papa Franġisku sabiex il-Knisja kollha tixtarr u tistaqsi dwar is-sinodalità: il-qofol tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.

X’inhu Sinodu?

Il-kelma ‘Sinodu’ tfisser assemblea u hija okkażjoni ta’ laqgħa, smigħ u riflessjoni. Is-Sinodu hu magħruf l-iktar bħala ċelebrazzjoni ta’ laqgħat ekkleżjali u ġemgħat tal-Isqfijiet u l-protagonista tas-Sinodu huwa l-Ispirtu s-Santu.

X’inhi s-sinodalità?

Konsultazzjoni mal-Poplu ta’ Alla

Il-Knisja ta’ Alla qed tiġi msejħa għal Sinodu bejn is-snin 2021-2023 bit-tema “Lejn Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni”. B’din is-sejħa, il-Papa Franġisku qed jistieden lill-Knisja kollha biex tirrifletti fuq tema deċiżiva għall-ħajja u l-missjoni tagħha. B’hekk kull parroċċa f’Malta hi msejħa biex tiddixxerni u tiffoka fuq dawk l-aspetti tas-sinodalità li huma l-iktar relevanti għar-realtà tagħha.

L-għan tas-Sinodu mhuwiex li jipproduċu dokumenti, imma li “nnibbtu ħolmiet ġodda, jitqanqlu profeziji u viżjonijiet, iwarrdu t-tamiet, nistimulaw fiduċja, ninfaxxaw il-ġrieħi, ninsġu relazzjonijiet, intellgħu żerniq ta’ tama, nitgħallmu minn xulxin, u noħolqu immaġinarju pożittiv  li jdawwal l-imħuħ, isaħħan il-qlub, irodd il-qawwa lid-dirgħajn” (Il-Papa Franġisku).

Konsultazzjoni mal-Knisja f’Malta

Bħala Knisja f’Malta, aħna msejħin sabiex nirriflettu fuq it-tema tas-Sinodu. Kull parroċċa hi msejħa biex tiddixxerni u tiffoka fuq dawk l-aspetti tas-sinodalità li huma l-iktar relevanti għar-realtà tagħha biex b’hekk tgħix iktar f’komunjoni, b’parteċipazzjoni sħiħa li tgħinna tinfetaħ għall-missjoni.

Din il-konsultazzjoni torbot ukoll mal-mixja ta’ tiġdid li qed nagħmlu bħala Knisja f’Malta permezz tal-proċess ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ fejn qed nirriflettu fuq l-erba’ temi:

1. Knisja li Tisma’

Kontemplazzjoni - ħarsa li toħroġ is-sbuħija fl-oħrajn

3. Knisja li Takkumpanja

Formazzjoni – ħarsa li tilqa’ u tiltaqa’ mal-oħrajn

2. Knisja li Tilqa’

Rikonċiljazzjoni – ħarsa li tfittex u li tikkomunika l-ħniena

4. Knisja li Toħroġ

Missjoni bħala qadi – inwasslu l-ħarsa tiegħu fuq id-dinja

Il-messaġġ
tal-Arċisqof
għall-bidu tas-Sinodu

Għaliex għandna nagħtu sehemna

Din hija opportunità ta':

Dixxerniment

personali u komunitarju

Qsim

tal-esperjenzi mgħixa tal-fidi tagħna

Nimmaġinaw u nikkreaw

futur differenti għall-missjoni tagħna bħala Knisja

Nikkontribwixxu

għall-ġid tal-Knisja universali

Programm

Dawn huma t-tappi prinċipali tas-Sinodu fil-Knisja maltija:

Ottubru 2021 sa Mejju 2022

Laqgħat ta’ dixxerniment

Kull parroċċa tiltaqa’ u tiddixxerni il-mistoqsijiet ipprovduti fid-dokument tas-Sinodu.

Ottubru 2021 sa Mejju 2022

30 ta' Ġunju 2022

Ġbir tad-dixxerniment

Kull parroċċa tissottometti id-dokument tad-dixxerniment.

30 ta' Ġunju 2022

15 t'Awwissu 2022

Sottomissjoni tar-rapport finali

Il-Konferenza Episkopali Maltija tibgħat id-dokument finali tad-dixxerniment lis-Segreterija tas-Sinodu.

15 t'Awwissu 2022

Id-dixxerniment

Dawn huma l-linji gwida ta’ kif isir il-proċess ta’ dixxerniment sabiex jintlaħaq l-għan tas-Sinodu b’mod konkret u prattiku.

Id-dokument tas-Sinodu jipprovdi 10 temi għad-dixxerniment, kif ġej:

I. IS-SIEĦBA FIL-VJAĠĠ
Fil-Knisja u fis-soċjetà ninsabu maġenb xulxin fl-istess triq.

II. NISIMGĦU
Is-smigħ huwa l-ewwel pass, imma jitlob li nżommu moħħna u qalbna miftuħa, mingħajr preġudizzji.

III. NIEĦDU L-KELMA F’IDEJNA
Ilkoll aħna msejħin nitkellmu bil-kuraġġ u l-parresia, jiġifieri billi nħaddmu flimkien libertà, verità u mħabba.

IV. NIĊĊELEBRAW
Nistgħu “nimxu flimkien” biss jekk nibnu fuq is-smigħ komunitarju tal-Kelma u fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

V. KORRESPONSABBLI FIL-MISSJONI
Is-sinodalità qiegħda għas-servizz tal-missjoni tal-Knisja, li fiha l-membri kollha tagħha huma msejħin jipparteċipaw.

VI. NIDDJALOGAW FIL-KNISJA U FIS-SOĊJETÀ
Id-djalogu huwa mixja ta’ perseveranza, li tiġbor fiha wkoll silenzji u tbatijiet, imma li kapaċi tilqa’ l-esperjenza tal-persuni u tal-popli.

VII. MAL-KONFESSJONIJIET INSARA L-OĦRA
Id-djalogu bejn l-Insara ta’ diversi konfessjonijiet, imxierka flimkien minn Magħmudija waħda, għandu post partikulari fil-mixja sinodali.

VIII. AWTORITÀ U PARTEĊIPAZZJONI
Knisja sinodali hija Knisja parteċipattiva u korresponsabbli.

IX. NIDDIXXERNU U NIDDEĊIEDU
Fi stil sinodali niddeċiedu b’dixxerniment, skont kunsens li joħroġ millubbidjenza komuni għall-Ispirtu.

X. NIFFURMAW RUĦNA GĦAS-SINODALITÀ
L-ispiritwalità li nimxu flimkien hi msejħa ssir prinċipju edukattiv għallformazzjoni tal-persuna umana u tan-Nisrani, tal-familji u tal-komunitajiet.

Il-mistoqsijiet ta’ riflessjoni sabiex isir id-dixxerniment ta’ dawn it-temi jinsab hawn.

  • Fuq livell Parrokkjali
    • Kunsill Parrokkjali
    • Kummissjonijiet
    • Gruppi parrokkjali li jirrappreżentaw diversi realtajiet tal-parroċċa:
      • Lajċi – adulti, żgħażagħ u tfal
      • Kleru u reliġjużi
      • Ministeri diversi
      • Livelli soċjali varji, b’mod speċjali dawk li jħossumhom imwarrbin u emarġinati
      • Kulturi diversi
  • Fuq livell ta’ Unità Parrokkjali
  • Bħala dixxerniment personali.
  • Preparazzjoni qabel

    • Nagħżlu leader biex jikkordina l-proċess fil-parroċċa/għaqda;
    • Nagħżlu lil xi ħadd biex imexxi l-grupp partikulari;
    • Nagħżlu tema mill-għaxar proposti marbuta ma’ dan
      il-“vjaġġ” sinodali. Nadattaw it-tema għall-kuntest lokali u parrokkjali.
  • Struttura tal-laqgħa:
    1. Nidħlu fi spirtu ta’ talb, nitolbu t-talba għas-Sinodu (Adsumus) u nisimgħu l-Kelma ta’ Alla;

    2. Kull persuna taqsam ir-riflessjoni tagħha fuq it-tema/il-mistoqsija prinċipali. Inħallu spazju biex kulħadd ikollu ċans jesprimi ruħu; nisimgħu lil xulxin b’mod profond mingħajr ma ninterrompu lil xulxin;

    3. Wara li kulħadd ikun esprima ruħu, jista’ jsir djalogu bejn il-membri: X’kien dak li ħalla faraġ spiritwali fina? Dan il-punt ngħożżuh/inħalluh idawwalna. X’inhu dak li ġab niket fina? Liema passi l-Ispirtu qed jistedinna nwettqu biex nikbru fil-“mixja flimkien” tagħna?

Nieħdu n-noti biex ikun jista’ jintbagħat rapport mill-kordinatur tal-parroċċa/għaqda ta’ mhux aktar minn paġna (A4) bil-punti prinċipali fuq l-email [email protected]

  1. Bħala bidu tal-proċess ta’ dixxerniment isir ftit ħin ta’ talb fis-silenzju.
  2. Tingħad it-Talba għas-Sinodu.
  3. Jitwieġbu il-Mistoqsijiet ta’ Riflessjoni skond is-Suġġerimenti tat-Tqassim tat-Temi.
  4. Il-laqgħa tingħalaq b’talba ta’ ringrazzjament lil Alla.
  1. Ibda il-proċess ta’ dixxerniment billi tgħaddi ftit ħin ta’ talb fis-silenzju.
  2. Itlob it-Talba tas-Sinodu.
  3. Irrifletti fuq dawn il-punti:
    • “Knisja sinodali, hija u xxandar l-Evanġelju, “timxi flimkien”
    • Kif tista’ din il-“mixja flimkien” titwettaq illum fil-Knisja partikulari tagħna?
    • Liema passi l-Ispirtu qed jistedinna nwettqu biex nikbru fil-“mixja flimkien” tagħna?
  4. Wieġeb il-Mistoqsijiet ta’ Riflessjoni.
  5. Agħlaq b’talba ta’ ringrazzjament lil Alla.
  6. Ibgħat t-tweġibiet tiegħek b’email fuq [email protected]

Riżorsi