Il-Magħmudija

Il-Magħmudija tat-Trabi

Il-magħmudija hija mument importanti ħafna fil-ħajja tal-bniedem u fil-ħajja tal-familja tiegħu. Fil-magħmudija t-tarbija ssir iben jew bint Alla.

Post tal-Magħmudija

Hu ferm issuġġerit li l-magħmudija ssir fil-parroċċa li fiha t-tarbija qed tgħix jew se tkun qed tgħix fil-futur qrib. Madankollu, meta jkun hemm raġuni valida, il-magħmudija tista’ ssir f’parroċċa oħra. (ara CIC 857.2) Bl-eċċezzjoni tal-Vġili tal-Għid, il-magħmudija tista’ ssir biss fil-knisja parrokkjali jew fi knejjes ta’ żoni li, għal finijiet pastorali, għandhom il-permess li jamministraw dan is-sagrament.

Reġistrazzjoni u Dokumentazzjoni meħtieġa

Meta titwieled tarbija, tiġi mniżżla fir-Reġistru Pubbliku (l-Insinwa). Il-ġenituri li jkunu jixtiequ jgħammdu t-tarbija tagħhom, imorru l-Uffiċċju Parrokkjali u jieħdu magħhom ċertifikat komplut (il-kbir – A3) tat-twelid tat-tarbija li jakkwistawh mill-Insinwa. Dan huwa essenzjali għar-reġistrazzjoni tal-magħmudija. Importanti wkoll li l-ġenituri jkollhom magħhom il-karta tal-identità tagħhom. Biex tikkomunika mal-uffiċċju parrokkjali jew biex tara l-ħinijiet ta’ ftuħ tista’ żżur is-sezzjoni Parroċċi f’dan is-sit.

Il-ġenituri jridu jagħżlu wkoll persuna jew tnejn li jaqdu r-rwol ta’ parrini. Id-dover tal-parrini hu li jgħinu lill-ġenituri fir-responsabiltà tagħhom li jrabbu lil uliedhom fil-fidi Nisranija.  Il-parrini jridu jkunu raġel u mara, iżda jista’ jkun hemm parrinu biss jew parrina biss. Il-parrini jridu jkunu għalqu s-sittax-il sena, ikunu membri prattikanti tal-Knisja Kattolika u jaċċettaw it-twemmin Kattoliku. Hu importanti li l-parrini jkunu jafu bid-dover tagħhom u jagħmlu ħilithom biex iwettquh. Minħabba l-importanza ta’ dan ir-rwol, il-parrini jridu jiffirmaw dikjarazzjoni li fiha jiddikjaraw li huma jistgħu jkunu parrini u jafu bl-obbligi li tali rwol iġib miegħu. (ara CIC 872-874) Id-dikjarazzjoni tal-parrini tista’ titniżżel minn hawn. Għandha timtela mill-parrini u tingħata lill-ġenituri biex jgħadduha lill-Kappillan qabel ma ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija. Dawk li, għal xi raġuni jew oħra, iħossu li fil-kuxjenza tagħhom ma jistgħux jagħmlu din id-dikjarazzjoni, ma għandhomx joqogħdu parrini.

Barra minn hekk, jekk it-tarbija ma tkunx toqgħod fil-parroċċa li fiha se ssir il-magħmudija, il-ġenituri għandhom ikellmu lill-Kappillan ta’ fejn tgħix it-tarbija biex jinħareġ iċ-ċertifikat li jagħti permess biex it-tarbija tkun tista’ tiġi mgħammda f’parroċċa oħra.  

Preparazzjoni

Il-Knisja titlob li ssir tħejjija tal-ġenituri u l-parrini sabiex dawn jifhmu aħjar il-privileġġ kbir li għandhom u d-doveri tagħhom li jrabbu lit-tarbija fil-fidi Nisranija (CIC 851.2). Meta tmorru biex tirreġistraw it-tarbija fl-uffiċċju parrokkjali, il-Kappillan jinfurmakom kif issir din it-tħejjija f’dik il-parroċċa partikolari.

Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Magħmudija

Għall-magħmudija, it-tarbija titlibbes l-abjad biex turi l-ħajja ġdida li se tirċievi. Il-ġenituri u l-qraba għandhom jaraw li l-ilbies tagħhom ikun jixraq id-Dar t’Alla.

Hi ħaġa sabiħa li bi preparazzjoni għall-magħmudija, il-ġenituri u l-parrini jersqu lejn is-sagrament tal-qrar. Tajjeb li wieħed ma jħallix il-qrar għal qabel iċ-ċelebrazzjoni. Hu ssuġġerit li l-qrar isir xi jiem qabel permezz ta’ appuntament ma’ saċerdot.

Ħafna jkunu jixtiequ li jkollhom tifkira ta’ dan is-sagrament permezz ta’ ritratti jew videos. Il-prassi li tintuża għar-ritratti jew videos tvarja minn parroċċa għal oħra. Għalhekk, jekk tixtieq tagħti tifkira, tajjeb li tara mal-parroċċa jekk hemmx fotografu uffiċjali jew jekk hijiex fir-responsabiltà tal-ġenituri li jsibu fotografu huma.    

Il-Magħmudija tal-Adulti

Hu dejjem ta’ ferħ kbir għall-Knisja li persuna, b’mod speċjali adulta, titlob mill-Knisja l-magħmudija. Minħabba li dan jinvolvi proċess ta’ formazzjoni, wieħed hu mistieden ikellem lill-Kappillan biex jiggwidah fil-proċess li jwasslu għall-magħmudija. Għal aktar informazzjoni żur is-sit https://welcome.church.mt/