Funerali

X’għandek bżonn tkun taf biex torganizza funeral?

Kellem lill-kappillan tal-parroċċa fejn ser isir il-funeral jew lis-saċerdot li ser jassisti l-funzjoni biex jiggwidak fit-tħejjija. Fost għajnuniet oħra, is-saċerdot jista’ jagħti parir dwar il-qari u dwar kant/mużika liturġika adatta. Il-kant ta’ waqt il-quddiesa tal-funeral irid ikun liturġiku.

Għall-aspetti loġistiċi, tajjeb li titkellem ukoll mal-kummissjonant.

Eloġji u ritratti:

Fl-aħħar tal-quddiesa, f’isem il-familjari u l-qraba tal-mejjet, is-saċerdot jirringrazzja lil dawk preżenti u lil min b’xi mod farraġ lill-familja. Eloġju dwar il-mejjet u ringrazzjament minn membri tal-­familja jistgħu jsiru fiċ-ċimiterju qabel id-difna. Ritratt tal-persuna li għalih/a qed isir il-funeral jista’ jitpoġġa fuq wara tal-knisja fejn ikun hemm ukoll il-ktieb tal-kondoljanzi.

Karozzelli tal-mejtin:

Meta funeral isir bil-karozzella biż-żwiemel, is-saċerdot jilqa’ l-mejjet fil-bieb tal-knisja fejn tkun ser tiġi ċċelebrata l-quddiesa tal-funeral u jsir it-talb li s-soltu jingħad fid-dar tal-mejjet jew fil-kamra mortwarja. Wara l-quddiesa, it-talb li s-soltu jsir fiċ-ċimiterju jsir fuq l-artal u s-saċerdot jakkumpanja l-katavru sal-bieb tal-knisja.

Tariffi għall-funerali:

It-tariffa għas-servizzi u l-użu tal-knisja hija ta’ €85.00, filwaqt li dik għall-użu taċ-ċimiterju tal-parroċċa hija ta’ €25.00. Din ma tinkludix ħlas tal-kor u/jew servizz ta’ uxxiera.