Parroċċi f’Malta

San Ġwann Pawlu II jiddeskrivi l‑parroċċa bħala l‑preżenza ta’ Kristu fost il‑bnedmin.

Il‑Papa Franġisku jfakkar li “l‑parroċċa mhix xi struttura b’jiemha magħduda; propju minħabba fil‑flessibbiltà tagħha….  Anki jekk ċertament mhix l‑unika istituzzjoni evanġelizzatriċi, jekk ikollha l‑ħila tirriforma ruħha u tadatta ruħha l‑ħin kollu, tissokta tkun ‘il‑Knisja li tgħammar f’nofs id‑djar ta’ wliedha’….Il‑parroċċa hi l‑preżenza tal‑Knisja f’territorju, l‑imkien fejn tinstema’ l‑Kelma, fejn tikber il‑ħajja Nisranija, fejn isir id‑djalogu, it‑tħabbira, l‑imħabba ġeneruża, l‑adorazzjoni u ċ‑ċelebrazzjoni.  Permezz tal‑attivitajiet kollha tagħha, il‑parroċċa tagħmel il‑qalb u tifforma lill‑membri tagħha biex isiru aġenti tal‑evanġelizzazzjoni. Hi komunità ta’ komunitajiet, santwarju fejn dawk li huma bil‑għatx jersqu jixorbu biex jissoktaw jimxu, u ċentru ta’ mandat missjunarju kontinwu.” (Evangelii Gaudium, 28)

Il‑Knisja tagħraf il‑parroċċa bħala il‑komunità li fiha il‑poplu t’Alla jitwieled, jikber fil‑fidi u jgħix il‑ħajja nisranija tiegħu. Għalhekk hi tiddeskrivi l‑parroċċa bħala komunità ta’ nsara mwaqqfa fid‑djoċesi, liema kura pastorali hi afdata f’idejn kappillan taħt l‑awtorità tal‑Isqof. (ara CIC 515) II‑liġi tal‑Knisja titlob li t‑territorju kollu tad‑djoċesi jkun maqsum f’parroċċi. L‑Arċidjoċesi ta’ Malta hi maqsuma f’70 parroċċa ġeografiċi, u numru ta’ parroċċi oħra ta’ lingwi jew/u riti differenti li jservu lill‑poplu t’Alla.