Żwiġijiet

Informazzjoni dwar żwiġijiet

Il-mixja lejn iż-Żwieġ

Żwieġ fil-Mulej jagħti l-preżenza u l-għajnuna ta’ Alla biex il-miżżewġin jgħixu b’impenn il-ħajja Nisranija tagħhom. Biċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ, l-għarajjes jifhmu dak kollu li jżejjen u jsebbaħ il-mument qaddis tagħhom.

Xi dettalji li tajjeb li l-koppja tieħu nota tagħhom:

Preparazzjoni Formattiva

  1. Kunu ċerti li bbukjajtu l-knisja fejn ser tiċċelebraw il-quddiesa taż-żwieġ. Ir-Rettur tal-knisja jgħaddilkom formola biex tinfurmaw lill-kappillani tagħkom.
  1. Ikun tajjeb li tagħżlu saċerdot li jassistikom fil-preparazzjoni taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u żżommu kuntatt miegħu biex tikbru fil-mixja tal-fidi tagħkom.
  1. Ħudu ħsieb li tagħmlu l-kors tat-tħejjija għaż-żwieġ sentejn qabel.
  1. Il-Moviment ta’ Kana u diversi parroċċi joffru laqgħa għal dawk l-għarajjes li, wara l-kors ta’ tħejjija, jixtiequ jkomplu fil-formazzjoni tagħhom. Staqsu l-parroċċa tagħkom għal aktar informazzjoni dwar dan.
  1. Xi sitt xhur qabel iż-żwieġ ikollkom l-aħħar tħejjija ta’ qabel iż-żwieġ. Il-kappillani jgħarrfukom b’dan.

Preparazzjoni Uffiċċjali

  1. Wara li tkun diġà tkellmet mal-Kappillan tagħha, tliet xhur qabel iż-żwieġ, kull persuna tmur għand il-Kappillan fejn toqgħod biex isir l-istħarriġ ta’ qabel iż-żwieġ. Araw li magħkom ikollkom iċ-ċertifikati tas-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof flimkien maċ-ċertifikat tal-kors ta’ Kana.
  1. Tliet xhur qabel iż-żwieġ, tmorru flimkien l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku, Evans Building, il-Belt Valletta, biex isiru t-tnidijiet ċivili għaż-żwieġ tagħkom. Ħudu magħkom il-karta tal-identità tagħkom u kopja tal-karta tal-identità tax-xhieda. Agħmlu appuntament qabel billi ċċemplu fuq tel. 2590 4200.
  1. Xahrejn qabel iż-żwieġ agħmlu appuntament mal-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja, il-Furjana (quddiem il-Kwartieri tal-Pulizija). Meta tmorru, ħudu magħkom id-dokumenti li tawkom il-Kappillani biex joħorġu t-tnidijiet tal-Knisja. Għal appuntament mal-Uffiċċju Żwiġijiet tista’ ċċempel mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn il-11.00a.m. u 12.00p.m. fuq 2590 6205. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jibgħat email fuq  ufficcju.zwigijiet@maltadiocese.org.

Preparazzjoni Spiritwali

  1. Flimkien mas-saċerdot li ser jassisti għaż-żwieġ tagħkom, ippreparaw għal din iċ-ċelebrazzjoni billi tagħżlu l-qari u talb ieħor tal-quddiesa, araw ir-rit taż-żwieġ u l-barka fuq l-għarajjes. Għaddu kopja tagħhom lil dawk li ser jaqraw biex ikunu ppreparati.
  1. Tajjeb li tfakkru lill-mistednin tagħkom biex jiġu u jipparteċipaw fil-quddiesa. Kull min jattendi, speċjalment min jieħu sehem bħall-għarusa, ix-xhieda, il-qarrejja u l-bridesmaids, għandu jkollhom ilbies adattat għad-dar ta’ Alla.  
  1. Il-kant u l-mużika għandhom ikunu live u liturġiċi, adattati għall-funzjoni. Il-kant għandu jkun miftiehem mas-saċerdot li se jassisti ż-żwieġ tagħkom u/jew mal-Kappillan/Rettur tal-knisja.
  1. It-tiżjin tal-fjuri, speċjalment madwar l-artal, m’għandux itellef l-attenzjoni minn fuq l-Ewkaristija.
  1. Tajjeb li tfakkru lil tar-ritratti u tal-video biex jaslu l-knisja fil-ħin u ma jtellfux l-ispirtu ta’ ġabra u talb waqt iċ-ċelebrazzjoni.
  1. Waqt l-omelija ma jittiħdux ritratti u fil-każ tal-video dan għandu jibqa’ f’pożizzjoni stabbli fil-ġenb.
  1. Wedding Organisers għandhom jiddiskutu l-ideat dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa mas-saċerdot li se jassisti ż-żwieġ u/jew mal-Kappillan/Rettur tal-knisja u jaraw li jieħdu d-direzzjoni tagħhom.
  1. Importanti tħejju ruħkom spiritwalment bit-talb kuljum flimkien u għal xulxin u li tagħmlu nofstanhar ta’ ġabra f’xi dar ta’ talb. Esperjenza li tista’ tgħin hija l-parteċipazzjoni flimkien fil-quddiesa tal-Ħadd.
  1. Ħudu ħsieb li qabel ma tiżżewġu ssibu ħin biex tersqu għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.
  1. Ħaġa sabiħa li taqsmu dan il-ferħ tagħkom ukoll ma’ dawk li għandhom bżonnijiet partikolari.

Wara ż-Żwieġ

  1. Wara ż-żwieġ, tajjeb tkomplu tikbru fir-relazzjoni tagħkom. Il-Moviment ta’ Kana, numru ta’ parroċċi u għaqdiet, joffru diversi gruppi ta’ laqgħat għall-miżżewġin, inkluż għal familji ġodda. Staqsu l-parroċċa tagħkom għal aktar informazzjoni.

Tul dan iż-żmien ta’ tħejjija, ser tiġu f’kuntatt ma’ diversi persuni li jħobbukom u jridulkom il-ġid. Tibżgħux tkellmuhom u tfittxuhom għall-għajnuna. Nawguralkom mill-ġdid preparazzjoni sabiħa u ċelebrazzjoni ferrieħa. Ibqgħu ibżgħu għal xulxin, uru rispett u għożża lil xulxin. Hekk tkunu tassew henjin u ferħanin flimkien.

Ħajr: Moviment Kana u Uffiċċju Żwiġijiet