L-uffiċċju parrokkjali hu l-post minn fejn tiġi koordinata l-ħidma pastorali tal-parroċċa. Minkejja l-ħafna ħidma li tkun għaddejja fih, l-uffiċċju jkun miftuħ għall-pubbliku f’ċertu ħinijiet biss. Jekk dawn il-ħinijiet ma jkunux adatti għalik, tajjeb li tikkomunika mal-parroċċa u tingħata appuntament.
Għalhekk, qabel ma tmur l-uffiċċju parrokkjali, tajjeb li tara x’inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ. Tista’ tagħmel dan minn fuq dan is-sit stess mis-sessjoni ‘Tagħrif dwar il-Parroċċi f’Malta’ u agħżel il-parroċċa konċernata. Hemm issib ukoll kuntatt tal-uffiċċju parrokkjali.
Importanti li meta tmur l-uffiċċju parrokkjali tieħu miegħek il-karta tal-identità. Minħabba obbligi legali, hemm il-bżonn li tiġi preżentata l-karta tal-identità biex wieħed jinqeda.
Ħafna mill-ħidma f’uffiċċju parrokkjali hi mwettqa mil-lajċi. Fil-maġġoranza tal-każi, il-lajċi li jkunu l-uffiċċju jkunu jistgħu jaqduk. Hemm diversi servizzi li qabel kienu mwettqa mill-kappillan li issa qed jiġu fdati f’idejn in-nies li jservu fl-uffiċċju. Jekk inti għandek bżonn lill-kappillan jew lill-viċi-kappillan biex tinqeda, jew tixtieq titkellem ma’ saċerdot, tajjeb li tara meta dawn ikunu l-uffiċċju parrokkjali. Minħabba impenji pastorali oħra, mhux bilfors ikunu hemm kull darba li jkun miftuħ l-uffiċċju.
Jekk inti għandek bżonn tiġbor xi ċertifikati, importanti li tkun taf li ċertifikati tal-Magħmudija, tal-Griżma u taż-Żwieġ jistgħu jinġabru biss mill-individwu li tiegħu hu ċ-ċertifikat. F’każ ta’ minorenni, iċ-ċertifikat jista’ jinġabar biss mill-ġenituri.
Bosta jmorru l-uffiċċju parrokkjali biex il-kappillan jawtentika firma, identità jew ritratt tagħhom (pereż. applikazzjoni għall-passaport). Biex tinqeda, hu importanti li l-kappillan ikun ilu jaf il-persuna għal aktar minn sentejn. Il-persuna trid tmur hi personali u tiffirma quddiem il-kappillan. Ma tistax tibgħat l-applikazzjoni ma’ persuna oħra. F’każ li jkun hemm bżonn ta’ firem ta’ persuni oħra (pereż. applikazzjoni għall-passaport tat-tfal), il-persuni kollha jridu jmorru personalment għand il-kappillan u jiffirmaw quddiemu. L-applikazzjoni trid tittieħed kollha u mhux biss il-paġna li fiha l-kappillan ikun se jiffirma.