X'inhi parroċċa?

It-Tifsira

  • Il-parroċċa hija komunità ta’ Nsara, li temmen f’Ġesù Kristu u tgħix il-valuri Tiegħu.
  • L-għan ewlieni tal-parroċċa hu li bħala komunità tisma’ u timxi fuq it-tagħlim ta’ Ġesù biex il-membri jsiru tabilħaqq dixxipli tiegħu.
  • Dan il-għan jintlaħaq billi l-individwi li jiffurmaw il-komunità, mingħajr ebda distinzjoni bejniethom, jibnu relazzjoni tajba ma’ xulxin u jgħinu lil xulxin sabiex jibnu relazzjoni ma’ Ġesù.
  • Il-komunità hija msejħa sabiex tkun sinjal ċar ta’ mħabba:

“Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”

Ġw 12, 34-35

  • L-imħabba bejn il-membri tal-komunità parrokkjali għandha tkun tixbah ir-relazzjoni ta’ bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, it-Trinità Qaddisa, it-tliet persuni differenti minn xulxin imma Alla wieħed.
  • Il-parroċċa hija l-komunità li fiha l-Knisja titlaħħam u ssir realtà.
  • Il-komunità tgħix il-liturġija u s-sagramenti sabiex tikber bħala komunità.
  • Il-membri tal-komunità jgħinu lil xulxin biex l-individwi jkunu jistgħu jgħixu l-valuri Nsara tagħhom. B’hekk, bix-xhieda u l-ħidma tagħhom, jinfluwenzaw lis-soċjetà sabiex ikunu Knisja li tgħix fid-dinja.

Is-sehem u r-responsabbiltà

  • Sabiex il-komunità tilħaq il-għan u s-sejħa tagħha, hi għandha bżonn is-sehem sħiħ tal-membri kollha fil-ħajja u l-ħidma tagħha.
  • Kull membru huwa responsabbli li jwettaq ir-rwol tiegħu fil-komunità u jieħu sehem sħiħ fil-missjoni tal-parroċċa.
  • Kull membru għandu bżonn lill-membri l-oħra tal-komunità parrokkjali sabiex ikun jista’ jaqdi dmiru tajjeb u jissaħħaħ bħala dixxiplu ta’ Ġesù.