Riżorsi Pastorali > Ekumeniżmu

Ekumeniżmu

Il-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana qed toffri dan il-materjal b’format konċiż dwar l-ekumeniżmu. Dan hu tagħrif bażiku li huwa utli għall-Kappillani u r-Retturi tal-knejjes.

Miklem Ekumeniku

Rubrika li dehret fil-gazzetta IL-LEĦEN minn Frar 2021, f'kull tielet Ħadd tax-xahar, miktuba minn Mons. Prof. Hector Scerri , president tal-Kummissjoni Ekumenika.

Kif tħabbar f’Il-Leħen tal-31 ta’ Jannar li għadda, illum qed jingħata bidu għal serje ta’ artikli dwar l-ekumeniżmu u dwar Knejjes Insara oħra li nsibu ġewwa pajjiżna. Il-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana, imwaqqfa mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-1977, għandha d-dmir li tfakkar il-membri tal-Knisja Kattolika biex jitolbu u jaħdmu għall-għaqda fost l-Insara. Barra minn hekk, din il-Kummissjoni tikkollabora mal-Kunsill Ekumeniku Malti (Christians Together in Malta) biex tinżamm relazzjoni tajba ma’ Knejjes oħra.

Xahar ilu, bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar [2021] – kif nagħmlu kull sena – iċċelebrajna l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. L-għan ta’ dan it-talb hu sabiex, bil-mod il-mod, jingħelbu firdiet antiki fil-Knisja waħda li waqqaf Ġesù. Żewġ firdiet kbar seħħew fl-1054 (bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa), u fis-seklu 16 (bejn Ruma u l-Protestanti).

Il-Moviment Ekumeniku dinji beda uffiċċjalment fl-1910, waqt Konferenza Missjunarja Dinjija ġewwa Edinburgh, fl-Iskozja. Għalkemm kien hemm xi pijunieri Kattoliċi fil-kamp ekumeniku fl-ewwel nofs tas-seklu li għadda, il-Knisja Kattolika formalment impenjat ruħha fil-kamp ekumeniku fi żmien il-Konċilju Vatikan II.

Mis-snin 60 tas-seklu li għadda ’l quddiem, il-Knisja Kattolika kompliet tagħraf dejjem aktar li waħda mill-missjonijiet tagħha hi li taħdem għall-għaqda fost l-Insara. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed isir ċar kemm l-ekumeniżmu huwa konness mal-evanġelizzazzjoni, mal-ħidma karitattiva (djakonija) u mal-ħsieb soċjali Nisrani. Dawn it-tlett oqsma jimxu id f’id, partikularment fil-kuntest ta’ dinja dejjem aktar sekulari.

Nixtieq infakkar f’dak li ġie li ktibt f’din il-gazzetta, u dak li ntenni pubblikament waqt programmi fuq il-midja: li l-ħidma ekumenika hi dwar ir-relazzjonijiet bejn Insara ta’ Knejjes differenti. Fi kliem ieħor, qed nitkellmu dwar madwar żewġ biljun persuna li rċevew is-sagrament tal-Magħmudija, u li jistqarru l-fidi f’Alla wieħed fi tliet persuni.

Meta nużaw il-kliem “ekumeniżmu” u “ekumeniku”, m’aħniex nirreferu għal reliġjonijiet oħrajn (eż. l-Iżlam, Ħinduwiżmu, Buddiżmu, eċċ.). Id-djalogu ma’ dawn tal-aħħar, jissejjaħ djalogu interreliġjuż. Dan huwa totalment differenti mid-djalogu ekumeniku, peress li f’dan tal-aħħar, diġà hemm ħafna aspetti li huma komuni fost l-Insara. Forsi ftit nintebħu li hemm wisq aktar x’jgħaqqadna milli dak li jifridna minn xulxin.

Permezz ta’ din ir-rubrika ta’ darba fix-xahar, se nkunu qed niskopru, ftit ftit, aspetti differenti dwar x’inhu l-ekumeniżmu, kif ukoll tagħrif dwar Knejjes Insara oħra li jinsabu fostna. Il-ħsieb hu li l-artikli dwar dawn il-Knejjes jinkitbu minn rappreżentanti tagħhom stess.

L-ekumeniżmu jsir fuq bosta livelli – (a) dak interpersonali fil-ħajja ta’ kuljum; (b) fuq livell teoloġiku; (c) permezz tat-talb flimkien; (d) f’ħidmiet ta’ karità flimkien; u (e) permezz tad-demm tal-martri. Dwar dawn il-livelli, nelaboraw fl-artiklu li jidher f’Marzu.

Ħsieb spiritwali:
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,
int tiġbor u tħares dak li kien imxerred;
ħares bis-sliem lejn il-merħla ta’ Ibnek,
biex dawk li ħadu Magħmudija waħda
jingħaqdu fil-fidi waħda u sħiħa
u jsiru ħaġa waħda bir-rabta tal-imħabba.
(Mill-Missal Ruman)

Fl-ewwel numru ta’ din is-sensiela, eżattament xahar ilu, ktibt li l-ekumeniżmu jseħħ f’bosta livelli. Kif wegħdtkom, illum se nfisser dawn il-ħames livelli:

(a) L-Ekumeniżmu tal-ħajja. Dan huwa l-aktar livell bażiku u jista’ jagħmlu kulħadd. Jikkonsisti fir-relazzjonijiet interpersonali li jista’ jkollok ma’ persuni Nsara minn Knejjes oħra fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn jistgħu jkunu ġirien tiegħek, sħabek tax-xogħol jew, anki, ħbieb tiegħek jew ta’ membri tal-familja. Dan it-tip ta’ ekumeniżmu jitnissel permezz tal-interess li inti turi fi Knejjes oħra billi ssir taf aktar dwarhom, dwar iċ-ċelebrazzjonijiet u d-drawwiet tagħhom. Nisrani minn Knisja oħra tibda tarah mhux biss bħala persuna differenti, imma bħala xi ħadd li minnu jew minnha tista’ titgħallem, u saħansitra ssir Kattoliku aħjar.

(b) L-Ekumeniżmu tad-Djalogu Bilaterali. Dan jikkonsisti f’diskussjonijiet fuq livell teoloġiku bejn Knejjes differenti. Dan isir minn teoloġi li jirrappreżentaw il-Knejjes rispettivi tagħhom. Ifittxu jaraw fiex jaqblu, li spiss huwa diġà ħafna. Jgħarblu wkoll fejn jeżisti nuqqas ta’ qbil, u jfittxu li, jekk huwa possibbli, jaslu għal consensus. Dan it-tip ta’ ekumeniżmu huwa ferm magħruf għax jeżistu dokumenti importanti li jiġu ppubblikati wara fażi ta’ diskussjoni, li spiss iddum is-snin.

(c) L-Ekumeniżmu Spiritwali. Il-Konċilju Vatikan II, u kull dokument maħruġ mill-Knisja Kattolika dwar l-ekumeniżmu sal-lum, jisħqu fuq l-importanza ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara. Dan huwa saħansitra r-ruħ tal-ekumeniżmu kollu. Hemm ukoll okkażjonijiet sbieħ meta Nsara minn Knejjes differenti jinġabru flimkien biex jitolbu, jew biex jagħmlu studju flimkien fuq l-Iskrittura jew fuq xi kitbiet spiritwali.

(d) L-Ekumeniżmu Soċjali. Ma tridx tkun xi studjuż kbir biex tifhem kif l-aktar mod prattiku kif Insara minn Knejjes differenti jersqu lejn xulxin huwa permezz ta’ ħidma karitatevoli flimkien. Dan ilu ħafna jsir, meta Knejjes differenti u l-membri tagħhom jgħaqqdu l-isforzi u r-riżorsi tagħhom biex jgħinu bnedmin oħra f’pajjiżhom jew f’pajjiż ieħor. Anki, hawn Malta, dan sar bosta drabi b’inizjattivi differenti, meta ġew mgħejjunin popli f’pajjiżi oħra (bħall-Albanija, il-Libja, il-Kenja, is-Sirja), imma anki lokalment.

(e) L-Ekumeniżmu tad-demm tal-Martri. Dan huwa aspett li l-Papa Franġisku spiss isemmi, u kemm huwa minnu! Meta bnedmin oħra jippersegwitaw l-Insara u saħansitra jxerrdulhom demmhom, qatt ma jistaqsuhom: “Inti Kattoliku? Inti Ortodoss? Inti Anglikan? Inti Luteran?” Mela, għall-persekuturi tagħna, aħna lkoll xorta … aħna Nsara. U spiss ġara li d-demm ta’ Nsara minn Knejjes differenti sar bħal xmara waħda. F’dan l-aspett, aħna diġà magħqudin.

Ħsieb spiritwali:
Mulej Ġesù, agħtina li niltaqgħu fik,
biex minn qlubna u minn xufftejna
tkompli titla’ t-talba tiegħek għall-għaqda fost l-Insara,
kif tridha Int u permezz tal-mezzi li Int tixtieq.
(Mit-talba ta’ Abbé Paul Couturier, 1881-1953, pijunier ekumeniku Kattoliku. Din hija silta minn talba itwal u li ntużat fil-konklużjoni tal-‘Vademecum Ekumeniku’, maħruġ mill-Vatikan f’Diċembru 2020)

Jeżistu bosta istituzzjonijiet jew gruppi impenjati fil-ħidma ekumenika, kemm fuq livell internazzjonali, kif ukoll lokalment fil-gżejjer tagħna. Huwa utli li nkunu nafu xi ħaġa dwar xi wħud minnhom:

Il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara: Dan il-Kunsill huwa wieħed mill-friegħi tal-Kurja Rumana, u twaqqaf fl-1960 mill-Papa Ġwanni XXIII biex jgħin lill-Papiet fil-kuntatti ekumeniċi li jkollhom u biex iġib ’il quddiem id-djalogu ekumeniku tal-Knisja Kattolika ma’ Knejjes u Tradizzjonijiet Insara oħrajn. Jgħin lill-Konferenzi Episkopali u d-djoċesijiet mxerrda mad-dinja fl-impenn ekumeniku tagħhom. Żewġ dokumenti importanti ħafna ppubblikati mill-Kunsill Pontifiċju huma Direttorju Ekumeniku (1993) u Vademecum Ekumeniku (2020).

Dan il-Kunsill fih żewġ taqsimiet prinċipali: taqsima li taħdem għal relazzjonijiet aħjar u kuntatti mal-Knejjes Ortodossi. It-taqsima l-oħra tagħmel l-istess ħidma, imma mal-Knejjes u l-Komunitajiet Riformati (jiġifieri l-Protestanti). Ara s-sit elettroniku:
http://www.christianunity.va/

Kunsill Dinji tal-Knejjes: Din hija għaqda ta’ aktar minn 300 knisja differenti. L-għan tal-Kunsill ukoll hu li jaħdem għall-għaqda fost l-Insara. Twaqqaf fl-1948 ġewwa Amsterdam fl-Olanda, u għandu t-tmexxija tiegħu f’Ġinevra fl-Isvizzera. Jorganizza bosta attivitajiet dottrinali, spiritwali u soċjali biex Insara minn Knejjes differenti jiltaqgħu u jaħdmu flimkien.

Għalkemm il-Knisja Kattolika għandha rwol ta’ osservatur fil-Kunsill Dinji tal-Knejjes, teżisti kollaborazzjoni kbira bejniethom. Madwar kull seba’ jew tmien snin, il-Kunsill jorganizza Assemblea Ġenerali li hija laqgħa ekumenika importanti ħafna li fiha jieħdu sehem eluf ta’ Nsara. Minħabba l-pandemija, l-Assemblea li jmiss kellha tiġi posposta għal Settembru 2022. Ara s-sit elettroniku: https://www.oikoumene.org/

Ċentru Pro Unione: Din hija istituzzjoni, imwaqqfa mill-Franciscan Fathers of the Atonement ġewwa Ruma fl-1948. Il-kariżma ta’ dan l-Ordni reliġjuż hu l-ħidma u t-talb għall-għaqda fost l-Insara. Fis-snin 60, permezz tal-ġenerożità kbira tal-Prinċipessa Orietta Doria Pamphilj u żewġha, iċ-Ċentru beda juża bini prominenti u spazjuż fi Pjazza Navona. Iċ-Ċentru għandu bibjoteka speċjalizzata fl-ekumeniżmu u minn żmien għal żmien jorganizza korsijiet u taħditiet pubbliċi dwar dan is-suġġett.
Ara s-sit elettroniku: https://www.prounione.it/en/

Kummissjoni Ekumenika Djoċesana: Din il-Kummissjoni twaqqfet fl-1977 mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fi ħdan Dar l-Emigrant, u fil-kuntest ta’ ristrutturar tal-ħidmiet pastorali fl-Arċidjoċesi. L-iskop tal-Kummissjoni Ekumenika hu li tqajjem u tanima interess ekumeniku fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, tagħti formazzjoni u informazzjoni dwar dan l-aspett tal-missjoni tal-Knisja, kif ukoll iżżomm relazzjonijiet tajba ma’ Knejjes Insara oħra li jinsabu fostna. Fl-2010, l-Arċisqof Pawl Cremona O.P. approva statut ġdid għall-Kummissjoni. F’Lulju 2019, l-Isqof Mario Grech waqqaf Kummissjoni Ekumenika għad-djoċesi t’Għawdex.

Christians Together in Malta: Dan il-grupp, li jissejjaħ ukoll il-Kunsill Ekumeniku Malti, twaqqaf fl-1995 minn Fr Maurice Eminyan SJ, promotur kbir tal-ekumeniżmu f’Malta, minbarra servizz twil bħala teologu espert u għalliem, mhux biss fl-Università, imma wkoll fil-midja. Christians Together in Malta jiġbor fih rappreżentanti mill-Knejjes kollha li hawn f’pajjiżna. Dawn jaħdmu flimkien biex jorganizzaw laqgħat ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara, kif ukoll attivitajiet komuni oħra.

Fil-ħidma ekumenika dinjija, kienu bosta li taw sehem importanti sa minn kmieni. Illum niltaqgħu ma’ ħames pijunieri li poġġew il-pedamenti tal-Moviment Ekumeniku, permezz ta’ inizjattivi differenti.

Fr Paul Wattson (1863-1940), imwieled fl-Istati Uniti, kien saċerdot Episkopaljan (jiġifieri l-Anglikani tal-Amerika ta’ Fuq). Flimkien ma’ reliġjuża tal-istess Knisja, Lurana White, waqqaf fl-1898 ordni reliġjuż fil-kuntest Protestant, bl-iskop li dan jimpenja ruħu għall-għaqda fost l-Insara. L-ordni, bl-isem Franciscans of the Atonement, aktar tard sar parti mill-Knisja Kattolika, meta kemm il-fundaturi kif ukoll il-membri kollha, iddeċidew li jsiru Kattoliċi. Kien reliġjuż ta’ fidi kbira f’Alla u missjunarju tal-atonement, jiġifieri tat-tpattija li wettaq Kristu biex isalvana u jħabbibna mill-ġdid mal-Missier, jew aħjar inkunu ħaġa waħda (“at one”) m’Alla. Huwa kien wieħed minn dawk li tefgħu l-ewwel żerriegħa biex isir talb għall-għaqda fost l-Insara. L-ordni tal-Franciscans of the Atonement jaħdem ħafna għall-għaqda fost l-Insara, u jmexxi ċ-Centro Pro Unione, ġewwa Ruma. Huwa ċentru speċjalizzata ta’ animazzjoni ekumenika.

Nathan Söderblom (1866-1931) kien teologu u minister Luteran mill-Iżvezja. Kiteb ktieb dwar Martin Luteru li kien jammira ħafna. Aktar tard, wara ħidma bħala chaplain lill-Iżvediżi f’Pariġi u f’Leipzig, huwa ngħata għat-tagħlim fl-Università ta’ Uppsala fl-Iżvezja. Fl-1914 nħatar isqof Luteran ta’ Uppsala, u ħadem għall-għaqda fost l-Insara. Kien wieħed mill-muturi fl-organizzazzjoni ta’ konferenza importanti, jisimha Life and Work li saret fi Stokkolma fl-1927. Hawn issaħħet il-koperazzjoni fost Knejjes Insara differenti biex tingħata għajnuna soċjali lil dawk li kienu fil-bżonn, kienet x’kienet il-Knisja tagħhom. Ingħata l-Premju Nobel għall-paċi fl-1930. Söderblom kien iħobb jgħid li l-ħajja hija poeżija li nistgħu niktbu aħna stess, imma n-Nisrani jħalli lil Alla jikteb il-poeżija ta’ ħajtu.

Willem Visser ’t Hooft (1900-1985) kien teologu Protesant Olandiż, u li ismu huwa marbut mat-twaqqif tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Kif rajna x-xahar li għadda f’din ir-rubrika, dan il-Kunsill huwa ta’ importanza kbira fid-djalogu ekumeniku u f’inizjattivi ta’ kull xorta li jġibu flimkien lil Insara minn Knejjes differenti. Visser ’t Hooft kien l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, u ta ħajtu b’impenn sħiħ għall-għaqda fost l-Insara

Il-Papa Ġwanni XXIII (1881-1963), meta ħabbar il-Konċilju Vatikan II f’Jannar 1959, wera kemm kienet importanti għalih u għall-Knisja Kattolika l-għaqda fost l-Insara. Ħafna snin qabel ma sar Papa, in-Nunzju Angelo Giuseppe Roncalli ħadem biex jibni relazzjonijiet tajba mal-Ortodossi fil-Bulgarija, fil-Grecja u fit-Turkija, u aktar tard ġewwa Pariġi. Kellu konvinzjonijiet ekumeniċi qawwija ħafna li, bħala Papa, hu qasam mal-Knisja Kattolika li malajr laqgħethom u għexithom.

Georges Florovsky (1893-1979), kien saċerdot Ortodoss, imwieled fir-Russja, u li hu meqjus minn ħafna bħala l-ewwel pijunier tal-Moviment Ekumeniku fost l-Ortodossi. Wara r-Rivoluzzjoni tal-1917, kellu jħalli pajjiżu, u emigra lejn Pariġi, u aktar tard lejn l-Istati Uniti. Ippubblika ħafna studji dwar il-Missirijiet tal-Knisja.

Ix-xahar li għadda, f’dil-paġna dwar il-missjoni ekumenika, semmejna xi individwi li tefgħu l-ewwel żerriegħa għall-għaqda fost l-Insara. Jixraq li niddedikaw il-paġna tal-lum biex nirrealizzaw li anki f’pajjiżna kien hemm bosta li minn kmieni laqgħu s-sejħa ekumenika tal-Knisja.

Mons. Prof. Dun Karm Sant (1921-1992): għalkemm ħafna jassoċjaw dan l-istudjuż Tarxiniż mar-riċerka biblika u mat-traduzzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa, minn nofs is-snin 60 stabilixxa kuntatti ma’ ministers u pastors ta’ komunitajiet Protestanti f’Malta. Għamel dan permezz tal-pastorali biblika li tant ħadem għaliha. Kien imsieħeb minn Patri Donat Spiteri (1922-2011), Kapuċċin, li wkoll saħħaħ dawn il-kuntatti mal-ministers Protestanti f’Malta, u kien strumentali biex sar wieħed fost l-ewwel Servizzi ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara, fil-Knisja tal-Kapuċċini, il-Furjana, fis-27 ta’ Diċembru 1968.

Rev. Prof. Maurice Eminyan (1922-2010), Ġiżwita: Dan it-teologu magħruf, anki fuq livell internazzjonali, għallem it-teoloġija dommatika lil ġenerazzjonijiet ta’ studenti sa tmiem is-snin 80. Kien ukoll pijunier tal-istudji tat-teoloġija għal-lajċi fil-korsijiet ta’ filgħaxija, kif ukoll tal-programmi reliġjużi fuq it-televiżjoni. Minħabba l-formazzjoni teoloġika li kellu, u anki permezz tal-karattru tiegħu, ġentili u rispettuż, bena ħafna pontijiet ma’ Nsara ta’ Knejjes differenti ġewwa Malta. L-Arċisqof Mercieca ħatru bħala President tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana fl-1993, ħidma li hu wettaq sal-2008. Eminyan kien il-fundatur tal-Kunsill Ekumeniku Malti fl-1995, għaqda li ġġib flimkien rappreżentanti ta’ Knejjes differenti, sabiex jiddjalogaw u jħejju laqgħat ekumeniċi f’pajjiżna.

Rev. Anton Azzopardi (1925-2015), Ġiżwita: apparti ħidmiet differenti fil-Provinċja tal-Ġiżwiti f’Malta, kien ukoll Rettur tas-Seminarju t’Għawdex. Fil-bidu tas-snin 60, kien ħa l-inizjattiva li jlaqqa’ pastors u kappillani tas-Servizzi Ingiżi f’Malta, l-ewwel biex isiru jafu lil xulxin soċjalment, u mbagħad biex jiddjalogaw fuq aspetti differenti tal-fidi u jitolbu flimkien. Fl-2003, huwa ppubblika ktieb dwar l-ekumeniżmu, Christian Churches and Reunion.

Rev. Patri Ugo Cremona (1936-2014), Dumnikan: Meta l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca waqqaf il-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana f’Ottubru 1977, huwa ħatar lil Patri Ugo bħala l-ewwel President, ħidma li huwa wettaq sal-1993. Kien hu li, flimkien ma’ żewġ ministers Protestanti, indirizza lill-Papa Ġwanni Pawlu II waqt is-Servizz Ekumeniku li sar fil-Katidral tal-Imdina fis-27 ta’ Mejju 1990.

Mons. Charles Vella (1928-2018): Għalkemm il-ħidma tiegħu kienet prinċipalment fil-pastorali għat-tħejjija għaż-żwieġ u mal-familji, permezz tal-Moviment ta’ Kana, huwa kellu ħafna kuntatti ta’ natura ekumenika, l-aktar fil-kuntest tas-safar tiegħu.

Mons. Philip Calleja (1928- ): Kulħadd jaf bil-ħidma imprezzabbli tiegħu, tul medda ta’ aktar minn 65 sena, mal-emigranti Maltin, kif ukoll mal-migranti li jaslu f’pajjiżna. Huwa fil-kuntest ta’ din il-pastorali li huwa ħadem fuq livell ekumeniku. Barra minn hekk, meta l-Arċisqof Mercieca waqqaf il-Kummissjoni Ekumenika fl-1977, huwa poġġieha fil-qafas tas-Segretarjat għall-Emigrazzjoni u t-Turiżmu li tiegħu Mons. Calleja kien responsabbli għal ħafna snin. Tibqa’ friska l-memorja tal-attenzjoni personali tiegħu ma’ migranti Ortodossi mis-Sirja, l-Eġittu, l-Etjopja u l-Eritrea.

Mix-xahar ta’ Frar sal-lum, f’kull tielet Ħadd tax-xahar, rajna diversi aspetti dwar l-ekumeniżmu. Permezz ta’ dan il-Miklem Ekumeniku li qed jidher f’Il-Leħen, il-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana tal-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tfittex li tgħin lill-qarrejja biex jifhmu aħjar it-triq lejn l-għaqda fost l-Insara. Fost l-oħrajn, ippreżentajna x’inhu l-ekumeniżmu u kif iseħħ, istituzzjonijiet fil-Knisja Kattolika u barra minnha li jaħdmu għal dan il-għan, kif ukoll personalitajiet fuq skala internazzjonali, kif ukoll lokali, li ġabu l-ekumeniżmu ’l quddiem. F’din il-ħarġa se nsemmu xi dokumenti ekumeniċi importanti:

Id-Digriet Unitatis redintegratio tal-Konċilju Vatikan II (1964)
Dan id-dokument li ismu jfisser “Biex l-għaqda sseħħ mill-ġdid” huwa frott il-Konċilju Vatikan II. Huwa dokument importanti tal-Maġisteru tal-Knisja Kattolika u jqiegħed il-pedamenti dwar il-missjoni tal-Knisja li tissieħeb ma’ Knejjes oħra biex jingħelbu l-firdiet fost l-Insara. Unitatis redintegratio jibda billi jittratta l-prinċipji Kattoliċi għall-ekumeniżmu. Hawn jistqarr li dawk kollha li kienu ġġustifikati permezz tal-magħmudija huma membri tal-Ġisem ta’ Kristu, u għalhekk għandhom id-dritt li jissejħu Nsara, u għalhekk huma aċċettati bħala aħwa minn ulied il-Knisja Kattolika. Id-dokument jitkellem dwar il-prattika tal-ekumeniżmu, u mbagħad jgħaddi biex jittratta kemm il-Knejjes mifrudin fil-Lvant (l-Ortodossi), kif ukoll il-komunitajiet mifrudin fil-Punent (il-Protestanti).

Id-Direttorju Ekumeniku (1993)
Dan id-dokument huwa handbook ippubblikat mill-Kunsill Pontifiċju li jġib ’il quddiem l-Għaqda fost l-Insara. L-iskop tiegħu hu li jgħin lill-Kattoliċi japplikaw dak li kien qal il-Konċilju Vatikan II dwar l-ekumeniżmu fid-dokument Unitatis redintegratio, u bosta dokumenti oħra li ħarġu fis-snin ta’ wara, fosthom il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika tal-1983. Fost diversi aspetti, id-Direttorju jittratta: id-dmir tal-Insara kollha li jaħdmu biex isseħħ l-għaqda; l-istrutturi f’kull livell tal-Knisja li jaħdmu għall-għaqda; il-formazzjoni fl-ekumeniżmu; il-modi differenti kif Insara minn Knejjes differenti jistgħu jitolbu flimkien u jikkollaboraw bejniethom (attivitajiet spiritwali, studju tal-Iskrittura u attivitajiet ekumeniċi); żwiġijiet bejn Kattoliċi u Nsara minn Knejjes oħra.

Charta Oecumenica (2001)
Dan id-dokument importanti huwa l-frott tal-kollaborazzjoni bejn il-Konferenza tal-Knejjes Ewropej (CEC) u l-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE). Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet jirrappreżentaw, tista’ tgħid l-Insara kollha tal-Ewropa. Il-kelma “Charta” tikkorrispondi għall-kelma bl-Ingliż charter, peress li d-dokument huwa sejħa qawwija lill-Knejjes u l-Komunitajiet Insara kollha tal-Ewropa biex flimkien jimpenjaw ruħhom għall-għaqda, id-djalogu u l-azzjoni favur il-paċi u l-ġustizzja f’dan il-kontinent. Tħeġġeġ lill-Knejjes biex jilqgħu l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-popli tal-Ewropa, u jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni, il-ħarsien tal-minoranzi u l-vulnerabbli, il-ħarsien tal-ħolqien u d-djalogu ma’ reliġjonijiet oħra.

Vademecum Ekumeniku (2020)
Dan id-dokument riċenti, maħruġ f’Diċembru li għadda mill-Kunsill Pontifiċju għall-Għaqda fost l-Insara, jitkellem dwar l-irwol importanti li għandu kull isqof fid-djoċesi tiegħu biex iġib ’il quddiem l-għaqda fost l-Insara. Għal isqof, il-missjoni ekumenika mhix waħda opzjonali, imma hi dmir u obbligu. Dan l-aspett tal-missjoni pastorali tiegħu jestedni lil hinn mid-djoċesi tiegħu.

Ix-xahar li għadda, f’din ir-rokna ta’ Il-Leħen, rajna xi dokumenti importanti fil-qasam tal-ekumeniżmu. Illum, se nkomplu billi naraw xi dokumenti oħrajn.

L-Enċiklika Ut unum sint (1995)
Il-Papa Ġwanni Pawlu II ried jiddedika enċiklika sħiħa – li isimha jfisser “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” – biex jisħaq dwar l-impenn tal-Knisja Kattolika favur l-ekumeniżmu. Kienu għaddew 30 sena minn tmiem il-Konċilju Vatikan II li permezz tiegħu l-Knisja Kattolika impenjat ruħha formalment fil-Moviment Ekumeniku.

L-enċiklika fiha tliet kapitli, f’din l-ordni:
Kap.1: L-Impenn tal-Knisja Kattolika fl-Ekumeniżmu (par.5-40)
Kap.2: Il-Frott tad-Djalogu (par.41-76);
Kap.3: Kemm għad fadlilna triq? (par.77-99).

Il-Papa jfakkarna dwar bosta aspetti jew elementi ta’ qdusija u ta’ verità li jinsabu f’dawn il-Knejjes u komunitajiet oħra, għax il-membri tagħhom huma, bħalna, ikkonsagrati permezz tal-Magħmudija, jagħtu ġieħ lill-Iskrittura u jirċievu sagramenti oħra, jitolbu tassew, ħafna minnhom għandhom l-Isqfijiet u juru devozzjoni lejn il-Verġni Marija.

Il-primat tat-talb huwa suġġett li l-Papa jittratta fid-dettall. Huwa jfakkar lil kulħadd f’dak li jgħid il-Konċilju Vatikan II, fid-dokument dwar l-ekumeniżmu li “il-bidla tal-qlub u l-qdusija tal-ħajja, flimkien ma’ talb komunitarju u privat għall-għaqda fost l-Insara għandhom jitqiesu bħala r-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu kemm hu, u bir-raġun kollu jista’ jissejjaħ ‘ekumeniżmu spiritwali’”.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II jittratta dawn it-temi: is-solidarjetà bejn l-Insara minn Knejjes differenti biex flimkien naqdu l-bnedmin li qegħdin ibatu; li Nsara minn Knejjes differenti jersqu lejn xulxin permezz tal-Kelma ta’ Alla li lkoll ngħożżu; li għalkemm ma nistgħux niċċelebraw l-Ewkaristija flimkien, “il-ħerqa hi diġà tifħir flimkien, hi talba”; l-apprezzament tal-ġid li jinsab fil-Knejjes u t-Tradizzjonijiet kollha, jiġifieri l-għemejjel ta’ virtù li jagħmlu l-Insara f’kull Knisja u f’kull Tradizzjoni, il-qdusija li huma jħaddnu, u l-martirju.

Fil-par.95 – meqjus bħala importanti ħafna mil-lat prattiku – Ġwanni Pawlu II jistqarr b’sinċerità kbira li huwa lest li jiddiskuti l-mod kif jeżerċita l-primat tal-Isqof ta’ Ruma.

Id-Dikjarazzjoni dwar il-Ġustifikazzjoni (1999)
Dan id-dokument konġunt bejn il-Knisja Kattolika u l-Luterani jittratta suġġett importanti ħafna u kien ir-riżultat ta’ taħditiet ekumeniċi profondi u fit-tul. Id-dokument jistqarr li l-Knejjes issa jissieħbu f’għarfien komuni tal-ġustifikazzjoni tagħna bil-grazzja t’Alla permezz tal-fidi fi Kristu. Dan il-ftehim ġab fi tmiemu l-konflitt teoloġiku li kien fil-bidunett tar-Riforma Protestanta fi żmien Luteru. Il-Metodisti aċċettaw din id-Dikjarazzjoni fl-2006, waqt li għadd sabiħ ta’ Komunitajiet Riformati għamlu dan fl-2017.

Id-Dokument ta’ Ravenna (2007)
Din id-dikjarazzjoni magħmula mill-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi tisħaq li l-Isqof ta’ Ruma huwa l-ewwel fost il-Patrijarki tal-bidu (i.e. dawk ta’ Ruma, Kostantinopli, Lixandra, Antjokja u Ġerusalemm). Id-dokument jgħid li se jkomplu jsir aktar studju ekkleżjoloġiku dwar l-eżerċizzju tal-primat tal-Papa.

Dikjarazzjoni bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Kopta Ortodossa (2017)
Dan il-ftehim iffirmat ġewwa l-Kajr mill-Papa Franġisku u mill-Papa tal-Kopti, Tawadros II, ġab rikonoxximent reċiproku tas-sagrament tal-Magħmudija miż-żewġ Knejjes.

Fil-ħarġa tal-lum, se nkunu qed infissru liema huma l-Knejjes u komunitajiet Insara prinċipali li nfirdu minn Ruma, u li jinsabu fostna ġewwa Malta u Għawdex. Fid-dinja kollha, minn popolazzjoni ta’ madwar 8 biljun ruħ, hawn madwar 2.3 biljun Nisrani. Dan hu perċentwal ta’ madwar 29%.

L-Ortodossi

Meta tgħoddhom ilkoll flimkien, dan huwa l-akbar grupp – ġewwa pajjiżna – ta’ Nsara mifrudin mill-Knisja Kattolika. L-Ortodossi formalment infirdu minn Ruma fis-sena 1054, però din il-firda kienet ilha tinħema minn bosta sekli qabel, kemm għal raġunijiet soċjo-kulturali, kif ukoll minħabba xi aspetti ta’ dettalji dottrinali. Il-Knejjes tal-Lvant, għalkemm kienu juru rispett lejn Ruma u t-tradizzjonijiet antiki tagħha u lejn l-Isqof tagħha (il-Papa), kellhom forom ta’ ħsieb differenti, kif ukoll modi differenti kif jiċċelebraw il-liturġija.

Il-kelma “Ortodoss” tfisser “it-twemmin it-tajjeb”. Għal ħafna sekli, l-Ortodossi kienu konċentrati fil-Lvant tal-Ewropa, partikularment fil-Greċja, il-Balkani, fl-Ukrajna u fir-Russja. Illum, frott mewġ ta’ emigrazzjoni matul is-seklu 20, u mbagħad b’mobiltà qawwija fl-aħħar ħamsin sena, nistgħu ngħidu li l-Ortodossi jinsabu mifruxa, anki fl-Ewropa tal-Punent, fl-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel u fl-Awstralja.

Ġewwa Malta għandna diversi komunitajiet Ortodossi: hemm dawk tal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli; is-Serbi; ir-Rumeni; ir-Russi; il-Bulgari; l-Ukrajni u oħrajn. Ma’ dawn hu importanti li nsemmu bosta komunitajiet Kopti Ortodossi, speċjalment dawk mill-Eġittu, li nfirdu minn Knejjes oħra aktar kmieni mill-firda tal-1054; fil-fatt, dawn infirdu fl-ewwel nofs tas-seklu 5, meta ma qablux ma’ xi aspetti li kienu approvati mill-Konċilju ta’ Kalċedonja (451). Ma’ dawn, insemmu wkoll l-Insara Ortodossi mill-Etjopja u mill-Eritrea.

Il-Protestanti

Il-Protestanti nfirdu mill-Knisja Kattolika u minn Ruma fl-ewwel nofs tas-seklu 16. Il-kelma “Protestanti”, għalkemm tirrifletti dak li huma għamlu – għax ippotestaw – mhix għal kollox preċiża. Dawn huma l-Insara li jappartjenu għat-Tradizzjoni Riformata. Huma fittxew, sa mill-bidunett tagħhom, li “jirriformaw” il-Knisja. Il-ħasra hi li huma – anki appoġġjati minn xi mexxejja ta’ dak iż-żmien li riedu ħelsien mid-dominanza tal-Papa u tal-Imperu Ruman Qaddis – riedu jirriformaw il-Knisja billi ħarġu minnha u “bdew” Knisja oħra.

Nirreferu għal persuni bħal Martin Luteru, kif ukoll Kalvinu u Zwingli. Dawn mexxew l-ħsieb tagħhom f’pajjiżi differenti, u għalkemm imnebbħa mill-istess ideali, kienu jadattaw it-tagħlim tagħhom skont iċ-ċirkustanzi. Fost il-Knejjes Riformati, insemmu l-Anglikani, iċ-Church of Scotland, il-Luterani u l-Metodisti. Dawn il-komunitajiet jinsabu fil-gżejjer tagħna. Magħhom jeħtieġ li nżidu komunitajiet Evanġeliċi. Dawn jisħqu fuq l-awtorità suprema tal-Bibbja u l-ġustifikazzjoni bil-fidi.

Ma rridux ninsew il-preżenza qawwija ta’ komunitajiet Pentekostali. Fuq livell dinji, dawn l-Insara huma l-akbar grupp wara l-Kattoliċi. Huwa stmat li hawn madwar 500 miljun Pentekostali, waqt li l-Kattoliċi huma madwar 1.3 biljun. Il-Pentekostali jisħqu dwar il-magħmudija fl-Ispirtu u doni bħall-fejqan, il-profezija u dak tal-ilsna.

It-terminu Patrijarkat Ekumeniku jirreferi għall-Arċidjoċesi ta’ Kostantinopli u Ruma l-Ġdida; il-bażi tagħha tinsab f’Kostantinopli (jiġifieri, Istanbul, fit-Turkija tal-lum). Il-Patrijarkat Ekumeniku huwa l-ewwel fl-ordni li teżisti fost erbatax-il Knisja Ortodossa Awtoċefala. Il-ġurisdizzjoni ekkleżjastika tal-Patrijarkat tħaddan fiha djoċesijiet li jinsabu fil-kontinenti kollha, ħlief l-Afrika. Il-prelat li huwa l-kap ta’ din l-istituzzjoni għandu t-titlu ta’ Arċisqof ta’ Kostantinopli u Ruma l-Ġdida u Patrijarka Ekumeniku. It-twaqqif tal-Knisja ta’ Kostantinopli jmur lura għaż-żmien appostoliku. Il-fundatur kien l-appostlu Sant’Andrija, l-ewwel wieħed li ssejjaħ minn Kristu fost it-Tnax. It-tifkira tiegħu hi ċċelebrata bħala l-anniversarju tat-Tron tal-Patrijarkat ta’ Kostantinopli, nhar it-30 ta’ Novembru.

Bħala l-“Ewwel Tron” fil-komunjoni tal-Knejjes Ortodossi Awtoċefali lokali, il-Patrijarkat Ekumeniku jikkoordina l-ħidma kollha tal-Ortodossija ekkleżjastika u jindokra l-għaqda fil-fidi u l-ordni kanoniku fir-relazzjonijiet fost l-Ortodossi. Il-Patrijarkat jissorvelja il-prerekwiżiti kanoniċi li jsawwru r-relazzjonijiet tal-Knisja Ortodossa mal-bqija tal-Insara. Dan ir-rwol doppju tat-Tron ta’ Ruma l-Ġdida baqa’ fis-seħħ anki waqt il-perjodu Ottoman (1453-1821), kif jidher ċar mid-djalogi teoloġiċi f’dan il-perjodu mal-Insara tal-Punent.

L-istituzzjoni tal-Pentarkija hija wkoll espressjoni tas-sinodalità. Il-pentarkija tal-Patrijarki (i.e. il-Papa fil-Punent, flimkien ma’ Kostantinopli, Lixandra, Antjokja u Ġerusalemm) fil-kuntest tad-dinja tal-lum hija meħtieġa biex tikber klima ta’ aħwa, kollha fiduċja u mħabba. Dan il-fattur kellu, u għad għandu rwol deċiżiv fis-suċċess tal-inizjattivi inter-Ortodossi tal-Patrijarkat Ekumeniku li jidher biċ-ċar fir-rwol ekumeniku tiegħu u l-funzjoni tiegħu bħala ċ-ċentru tal-għaqda Ortodossa. Dan kollu jsaħħaħ ir-rikonoxximent – li m’hemm l-ebda dubju dwaru – tar-rwol tat-Tron Ekumeniku fit-twettiq tal-kuxjenza sinodali Ortodossa.

L-inizjattivi inter-Ortodossi tal-Knisja-Omm qatt ma kienu espressjoni ta’ Primat ta’ poter u sovranità. Il-missjoni u l-ministeru tagħha kienu dejjem eżerċitati fil-kuntest tat-tradizzjoni u l-ispiritwalità Ortodossa. It-Tron Ekumeniku jagħti importanza speċjali għad-djalogi kontinwi fost l-Insara, l-aktar mal-Knisja Kattolika Rumana li magħha hemm djalogu ta’ verità u ta’ mħabba, bit-tama li jasal il-jum tal-għaqda sħiħa.

Il-Patrijarkat Ekumeniku jagħti importanza għall-ħarsien tal-ambjent naturali. Dan hu l-għala l-1 ta’ Settembru kien stabbilit bħala jum ta’ talb u ta’ tifkira li fih niftakru fid-dmir tagħna li nħarsu l-ambjent naturali kollu ta’ madwarna.

Il-Patrijarkat Ekumeniku jkompli l-vjaġġ tiegħu fl-istorja u jimpenja ruħu biex b’determinazzjoni jaħdem għall-imħabba, il-paċi u l-għaqda tal-Knejjes Ortodossi. Bħala l-ewwel fost dawk li huma ndaqs, il-Patrijarkat jeżerċita il-ministeru tiegħu b’responsabiltà, waqt li jiggarantixxi l-komunjoni fost il-Knejjes Ortodossi aħwa. Dan iseħħ fil-qafas ta’ għarfien sinodali qawwi li jsaħħaħ u jisħaq dwar il-kuxjenza Ortodossa mifruxa madwar id-dinja.

Il-Knisja Rumena Ortodossa llum hija l-akbar Knisja awtoċefala (jiġifieri Knisja indipendenti) fost il-Knejjes Ortodossi fil-Balkani. Il-maġġoranza tar-Rumeni huma msieħba fiha, u fiha madwar 17-il miljun ruħ. Din il-Knisja kellha rwol storiku u kulturali importanti fit-twaqqif tar-Rumanija bħala pajjiż.

L-ewwel metropoliji ekkleżjatiċi fil-provinċji Rumeni twaqqfu fis-seklu 14. Il-Knisja użat l-alfabett Slavoniku, imma l-ilsien Rumen. Din hi r-raġuni l-għala ċerti kliem liturġiku għandu għeruq Slavoniċi, filwaqt li l-ilsien mitkellem mill-poplu huwa dak Rumen li hu mnissel minn Latin mhux raffinat, jiġifieri kif mitkellem mill-poplu komuni. It-traduzzjoni tal-Bibbja u tat-testi tal-liturġija għall-ilsien Rumen ma saritx qabel is-seklu 19.

Il-Knisja Rumena Ortodossa għenet biex l-identità nazzjonali tibqa’ ħajja, kemm fi żmien il-ħakma tal-Ottomani, kif ukoll fit-Transilvanja li kienet tagħmel parti mill-Ungerija u l-Imperu Awstro-Ungariku. Ġewwa t-Transilvanja, il-Knisja Rumena Ortodossa ma ġietx magħrufa fil-ftehim ta’ wara r-Riforma Protestanta, u għalhekk, permezz tal-Att tal-Unjoni fl-1918, il-biċċa l-kbira tal-kleru Rumen Ortodoss u tal-lajċi f’dan ir-reġjun aċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-Papa u saru Kattoliċi tar-Rit Orjentali. Dawn kienu milqugħa mill-ġdid fil-Knisja Rumena Ortodossa fl-1950 wara li l-Knisja tagħhom (Kattolika) kienet soppressa mill-Gvern Komunista fl-1948.

Il-Knisja Rumena kellha rwol importanti u ħadmet għall-emanċipazzjoni tar-Rumeni etniċi fit-Transilvanja u l-integrazzjoni tagħhom fir-Rumanija l-kbira li ġiet fis-seħħ bħala pajjiż fl-1918. Ħadem ħafna għal dan l-ewwel metropolita tat-Transilvanja, Andrei Şaguna (1809-1873) li fl-1868 kiteb kostituzzjoni li kellha tinfluwenza l-iżvilupp tal-Knisja Rumena wara l-1918.

Il-Patrijarkat Rumen attwali nħoloq fl-1925, u għaqqad flimkien il-popolazzjoni Rumena Ortodossa tal-prinċipaltajiet ta’ qabel: it-Transilvanja, il-Wallakja u l-Moldavja. Fi żmien ir-reġim komunista, il-Knisja kienet soppressa, u l-Gvern kien jaħtar isqfijiet u saċerdoti biex imexxu l-Knisja, imma dejjem taħt il-kmand tal-Gvern.

Wara l-waqgħa tar-reġim komunista fl-1989, kien hemm qawmien ġdid fil-Knisja Rumena Ortodossa, l-ewwel taħt il-Patrijarka Teoctist (1915-2007), u l-aktar taħt it-tmexxija tal-mexxej spiritwali attwali, il-Beatitudni tiegħu l-Patrijarka Danjel (1951- ). Hu organizza tajjeb ħafna l-Patrijarkat, u bl-importanza li jagħti għall-aspetti soċjali, kulturali u storiċi hu saħħaħ il-preżenza tal-Patrijarkat, u juri mħabba pastorali kbira għar-Rumena tad-diaspora mxerrdin mad-dinja kollha, fosthom Malta.

Bħalissa ġewwa Malta, hawn madwar 2,000 Rumen u 500 Moldav. Dawn jiċċelebraw il-liturġija fil-Knisja ta’ Santu Rokku fil-Belt Valletta. Il-patrun tal-parroċċa tar-Rumeni Ortodossi hu San Ġwann il-Battista. Wara li għal madwar ħames snin din il-parroċċa tmexxiet mill-qassis Ioan Iftimia, jien issa ili bħala ragħaj ta’ din il-komunità minn Diċembru 2019.

Il-fidi Nisranija fis-Serbja tmur lura għal madwar is-sena 870, fi żmien il-Prinċep Mutimir. Illum, il-maġġoranza tal-popolazzjoni ġewwa s-Serbja, Montenegro u r-Repubblika Srpska (ġewwa l-Bożnija-Ħerzegovina) tqis lilha nfisha parti mill-Knisja Ortodossa Serba. B’kollox, hawn bejn wieħed u ieħor 8 miljun Serb Ortodoss imxerrda madwar id-dinja.

Il-Knisja Ortodossa Serba hija awtoċefala, u ilha hekk mill-1219, minn żmien San Sava. Hija maqsuma f’Metropoliji u f’Eparkiji (jiġifieri, djoċesijiet) ġewwa s-Serbja nfisha, f’Bożnija-Ħerzegovina, il-Kroazja u fid-dijaspora. Il-Patrijarka Ortodoss Serb huwa l-ewwel fost ħutu l-Isqfijiet (primus inter pares). Il-Patrijarka preżenti jismu Porfirije, intronizzat fid-19 ta’ Frar 2021.

Meta l-pajjiż kien maħkum mill-Ottomani Torok, il-Knisja Ortodossa Serba kellha rwol importanti fir-reżistenza kontra l-Musulmani. Din hija r-raġuni għaliex, sal-lum hemm rabta qawwija bejn il-Knisja Ortodossa Serba u l-identità nazzjonali. Spiss hija ġarrbet persekuzzjoni: kemm-il darba, saret vjolenza kontra l-monasteri u l-kleru. Fl-1594, l-Ottomani ġarrew il-fdalijiet ta’ San Sava mill-monasteru ta’ Mileševa għal Belgrad, u ħarquhom hemm. Dan wassal biex il-kult lejn San Sava kompla jikber, filwaqt li l-qaddis fundatur sar simbolu ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali u tal-fidi.

Tliet sekli u nofs wara, fl-1938, fil-medda tal-art imsejħa Vračar – fejn kienu nħarqu l-fdalijiet ta’ San Sava – tqiegħdu l-pedamenti ta’ knisja ddedikata għalih. Però, il-ħidma waqfet (1941-1984), l-ewwel minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija, u mbagħad minħabba r-reġim Komunista. Il-ħidma ntemmet fl-2017, u San Sava llum, fid-daqs tagħha, hi r-raba’ Knisja Ortodossa fid-dinja. Hi tiddomina l-belt ta’ Belgrad, u hi wkoll simbolu nazzjonali.

Il-Knisja Ortodossa Serb ssegwi l-Kalendarju Ġuljan, kif tagħmel il-Knisja Ortodossa Russa. Dan il-kalendarju (li kien jintuża minn kulħadd sal-1582) illum qiegħed erbatax-il jum wara l-kalendarju Gregorjan, użat ċivilment, tista’ tgħid, mid-dinja kollha. Minħabba din id-differenza fil-kalendarju, l-Ortodossi Serbi jiċċelebraw il-Milied nhar is-7 ta’ Jannar, l-ewwel tas-sena fit-13 ta’ Jannar, u lil San Nikola fid-19 ta’ Diċembru. Id-data tal-Għid il-Kbir hija kkalkulata skont it-tradizzjoni Orjentali, u għaldaqstant id-data tal-Għid – kemm għall-Ortodossi Serbi, kif ukoll għall-kumplament tal-Ortodossi – tvarja minn ġimgħa sa ħames ġimgħat mill-kumplament tal-Insara. Kull ċertu snin, l-Għid il-Kbir jaħbat fl-istess data għall-Insara kollha, kif se jiġri fl-2025.

Kull familja Ortodossa Serba tiċċelebra dik li tissejjaħ is-Slava. Din hija l-festa tal-qaddis patrun ta’ dik il-familja. Il-qaddis tal-familja jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-familja tibda din il-festa fil-knisja, u tkompliha d-dar permezz ta’ ikla mal-qraba u l-ħbieb.

Ġewwa Malta hawn komunità Ortodossa Serba mdaqqsa. Twaqqfet bħala parroċċa fl-2005 mill-Isqof Dositej tad-Djoċesi tal-Gran Brettanja u l-Iskandinavja. Fl-2012, il-parroċċa Ortodossa Serba saret tagħmel parti mid-Djoċesi tal-Awstrija, l-Isvizzera, l-Italja u Malta. F’Diċembru 2018, l-Isqof Andrej li għandu s-sede tiegħu fi Vjenna, ħatarni Kappillan residenti. Bħalissa nużaw il-knisja tad-Duluri f’Birżebbuġa fil-Ħdud u l-festi. Niċċelebraw il-vespri tal-Ġimgħa fil-knisja tal-Kunċizzjoni fl-Imsida. Il-parroċċa tagħna taqdi Ortodossi mir-Russja, l-Ukrajna, il-Belarus, il-Bulgarija u l-Maċedonja.

Fil-ħarġa tal-lum tal-gazzetta, ħsibt li jkun għaqli li għal dan ix-xahar ninterrompu s-sensiela ta’ artikli dwar Knejjes Insara oħra li jinsabu f’pajjiżna. Ħsibt li jkun aktar f’postu li niddedika dan l-ispazju biex nitkellem dwar it-twelid tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara li niċċelebraw fil-jiem li ġejjin, mit-Tlieta ’l quddiem.

Il-bidu tal-Ġimgħa ta’ Talb imur lura għall-1908. Kien Rev. Paul Wattson (1863-1940) li ħareġ bl-idea. Wattson kien il-ko-fundatur tal-Franciscan Friars and Sisters of the Atonement, magħrufa wkoll bħala Graymoor Franciscans. Graymoor hu fejn bdiet din il-familja reliġjuża, oriġinarjament fi ħdan il-Knisja Anglikana fl-Istati Uniti (jiġifieri l-Episkopaljani). L-iskop tal-familja reliġjuża li semmejna kien li taħdem għall-għaqda fost l-Insara. Aktar tard, Wattson u l-kongregazzjoni li waqqaf, ilkoll flimkien saru Kattoliċi, filwaqt li żammew l-istess kariżma li kellhom qabel.

Wattson fassal dan l-Ottavarju (kif kien spiss jissejjaħ qabel) biex ikopri t-tmint ijiem bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar ta’ kull sena. L-għażla tal-jiem minn Wattson kellha ħsieb warajha: f’dak iż-żmien, sar-riforma tal-Kalendarju liturġiku wara l-Konċilju Vatikan II, it-18 ta’ Jannar kien il-Festa tal-Istqarrija ta’ San Pietru, waqt li 25 ta’ Jannar kienet, u għadha, il-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl. Dawn iż-żewġ festi kienu bħal gwarniċ għat-talb għall-għaqda fost l-Insara. Fl-istess ħin, irridu nsemmu li l-idea tal-ekumeniżmu li kellu Wattson, li kkonverta minn Anglikan għal Kattoliku, kienet ta’ “ritorn lejn Ruma” tal-Insara minn Knejjes li nfirdu sekli ilu.

Il-Papa Piju X bierek l-inizjattiva ta’ Wattson, waqt li l-Papa Benedittu XV inkuraġġixxa l-osservanza tagħha fil-Knisja Kattolika. Wattson beda jsejħilha “Chair of Unity Octave” biex jisħaq fuq ir-rabta bejn l-għaqda fost l-Insara u s-Sede ta’ Pietru. Ftit tas-snin wara, il-Protestanti bdew jorganizzaw Ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda fi żmien Għid il-Ħamsin, meta twieldet il-Knisja.

Is-saċerdot Kattoliku Franċiż, Abbé Paul Couturier (1881-1953), pijunier kbir tal-ekumeniżmu, kellu idea differenti minn Wattson. Huwa ma kienx jitkellem dwar “ritorn lejn Ruma” (jew konverżjoni tal-eretiċi), imma dwar “talb għall-għaqda tal-Knisja kif Kristu jixtieq li tkun din l-għaqda, u skont il-mezzi li hu jrid u jippermetti”. Dan kien ifisser, għalhekk li Nsara minn Knejjes oħra setgħu jissieħbu fit-talb mingħajr diffikultà ta’ xejn. Fl-1935, Couturier beda jorganizza Ġimgħa Universali ta’ Talb għall-Għaqda Nisranija, ħaġa li l-Knisja Kattolika laqgħet formalmet fl-1966.

Tajjeb ngħidu li fl-1941, il-Konferenza Faith and Order (li fiha kienu msieħba l-Ortodossi u l-Protestanti) iddeċidiet li tibdel id-dati tal-Ġimgħa minn żmien Pentekoste għall-istess jiem li kienu jużaw gruppi Kattolici.

Mill-1968 ’il quddiem, il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara bdiet tiġi organizzata b’mod konġunt mill-Faith and Order Commission tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes (f’Ġinevra) u l-Kunsill Pontifiċju għall-Għaqda fost l-Insara (fil-Vatikan). L-emfasi, kif kien jisħaq Couturier, hu fuq l-ekumeniżmu spiritwali, jiġifieri t-talb għall-għaqda. Bosta jiftakru li l-materjal kollu għall-Ġimgħa tas-sena 2020 kien tħejja mill-Knejjes Insara differenti ġewwa Malta. Dis-sena, il-materjal tħejja mill-Insara ta’ Knejjes differenti fil-Lvant Nofsani.

Illum nitkellmu dwar komunità Ortodossa kbira f’pajjiż Musulman, l-Eġittu – l-Insara Kopti Ortodossi. Huwa stmat li jlaħħqu madwar ħdax-il miljun, apparti dawk li huma Kopti Kattoliċi, jiġifieri f’għaqda mal-Papa. Il-kelma “Kopt” ġejja mill-kelma Aighyptios li tirreferi għan-nies tal-Eġittu. Fil-fatt, l-aġġettiv “Kopt” huwa aktar antik mill-Knisja li jisimha hekk.

Il-Knisja Kopta hija Knisja Appostolika, jiġifieri tmur lura għal żmien l-Appostli. L-Evanġelista San Mark huwa meqjus li, tnax il-sena wara l-Qawmien ta’ Kristu, waqqaf il-Knisja f’Lixandra, l-aktar belt importanti f’dak iż-żmien ġewwa l-Eġittu. Lixandra, it-tieni l-akbar belt tal-Imperu Ruman, kienet twaqqfet minn Alessandru l-Kbir fit-331 q.K.

Il-Knisja Kopta hija marbuta ma’ tradizzjoni monastika antika, li għadha ferm ħajja sal-lum. Mis-seklu 4 ‘il quddiem, mijiet ta’ rġiel u nisa ħallew l-ibliet biex jgħixu ħajja radikali ta’ talb u ċaħda fid-deżert tal-Eġittu. Fost dawn il-Missirijiet u l-Ommijiet (abbas u ammas) tad-deżert, jissemmew San Pakomju u Sant’Anton Abbati. Illum għadna nsibu monasteri kbar fid-deżert b’mijiet ta’ rħieb (patrijiet) Kopti Ortodossi. Fil-Knisja ġewwa l-Eġittu, fl-ewwel sekli, spikkaw teoloġi kbar bħal Klement ta’ Lixandra, Oriġene, Sant’Atanasju u San Ċirillu ta’ Lixandra.

Il-firda bejn il-Knisja Kopta u dik Rumana bdiet għal raġunijiet ta’ preċedenza. Waqt l-ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli (381), iddeċidew li l-Patrijarka ta’ Kostantinopli jitqies fl-importanza eżatt wara l-Isqof ta’ Ruma. Dan ġab reazzjonijiet għax il-Knisja f’Lixandra twaqqfet tliet sekli qabel dik ta’ Kostantinopli. L-inkwiet kiber aktar tard minħabba kwistjonijiet teoloġiċi.

Il-kontroversja kienet dwar iż-żewġ naturi ta’ Kristu. Il-Knisja ta’ Lixandra saħqet li Kristu għandu natura waħda li hija kemm divina, kif ukoll umana. Din hija pożizzjoni monofiżita, jiġifieri natura (physis) waħda (monos). Minn naħa l-oħra, it-tradizzjoni Biżantina saħqet li l-Iben t’Alla hu f’żewġ naturi, natura divina u natura umana, kif nemmnu aħna wkoll. Din hi l-pożizzjoni duofiżita (żewġ naturi). Dan wassal biex fi żmien il-Konċilju ta’ Kalċedonja (451), il-Knisja fl-Eġittu (= Kopta) infirdet mill-kumplament tal-Knejjes; l-Insara tal-Eġittu sejħu lilhom infushom Kopti Ortodossi.

Huma adattaw l-ilsien li kienu jużaw f’dak iż-żmien għaċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija. Importanti nifhmu li ma jużawx l-ilsien Għarbi għal-liturġija. L-ilsien waqt il-liturġija Kopta hu lsien differenti. Jingħad li jixbah il-lingwa ta’ żmien il-Farawni.

Mad-daħla tagħhom fl-Eġittu fis-sena 642, il-Musulmani għall-ewwel tqiesu bħala l-ħelliesa tal-Insara Kopti mil-liġijiet u t-taxxi ħorox imposti mill-ħakma Biżantina. Però, aktar tard, l-Iżlam ġab persekuzzjoni lill-Insara. Matul il-ħakma Ottomana (1517-1923) il-persekuzzjoni kompliet. Fiż-żmien il-President Nasser (1954-70), il-Knisja Kopta kibret fil-qasam kulturali u edukattiv. Fi żmien Anwar Sadat (1970-81) il-Kopti batew ħafna umiljazzjonijiet. Illum, minkejja l-vjolenza li jbatu l-Insara Kopti, din il-Knisja għadha tiffjorixxi, saħansitra b’ħafna katekeżi maż-żgħażagħ.

Il-mexxej tal-Knisja Kopta Ortodossa huwa l-Patrijarka ta’ Lixandra, li jissejjaħ Papa. Minn Novembru 2012, dan hu l-Papa Tawadros II. Hemm ukoll Patrijarka Kopt Kattoliku li l-membri tal-Knisja tiegħu li tinsab f’għaqda ma’ Ruma jlaħħqu madwar mitejn elf.

Ġewwa Malta hawn komunità Kopta Ortodossa li għandha saċerdot, Abouna Paul Elsouriany li ilu fostna għal madwar ħmistax-il sena. Il-komunità tinġabar għal-liturġija ġewwa Ħaż-Żebbuġ.

Wara li x-xahar li għadda tkellimna dwar il-Knisja Kopta Ortodossa, illum se nippreżentalkom żewġ Knejjes li jixxiebhu ħafna bejniethom. Dawn huma l-Knisja Etjopika Ortodossa u l-Knisja Eritrea Ortodossa, magħrufin ukoll bħala Tewaħedo. Tnisslu mill-Knisja Kopta Ortodossa, li kif rajna, tinsab fl-Eġittu. Il-kelma Tewaħedo tfisser ‘ħaġa waħda’ jew ‘magħquda’. Hemm konnessjoni lingwistika bejn il-kelma Tewaħedo, il-kelma Għarbija tawhid, u l-kelma Maltija ‘wieħed’. Dil-kelma tintuża b’referenza għal Kristu li (skont dawn l-Insara) għandu natura waħda li hi kemm divina, kif ukoll umana. Kif rajna x-xahar li għadda fil-każ tal-Knisja Kopta Ortodossa, din il-pożizzjoni hija waħda monofiżita, jiġifieri natura (physis) waħda (monos).

Il-Knisja Etjopika taf il-bidu tagħha lil San Frumenzju li ntbagħat fl-artijiet tal-Abissinja minn Sant’Atanasju fis-seklu 4. Kien f’dak iż-żmien li bosta ħakkiema fl-art kbira tal-Abissinja ħaddnu l-fidi Nisranija.

Il-Knisja Etjopika għandha rabtiet kbar fir-riti u t-tagħlim mal-Patrijakat ta’ Lixandra. Il-liturġija kompliet tiżviluppa, u għaliha kien jintuża lsien tradizzjonali, magħruf bħala Ge’ez. L-Insara fl-Etjopja, kif ukoll fl-Eritrea għaddew minn diffikultajiet mhux żgħar minħabba l-influss tal-Iżlam mis-seklu 7 ‘il quddiem. Għal aktar minn darba fl-istorja twila tal-Etjopja u tal-Eritrea, kien hemm fjoritura sabiħa fl-aspett liturġiku u dak spiritwali. Il-kotba biċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, kif ukoll kotba ta’ talb, huma dipendenti ħafna fuq dawk tal-Kopti Ortodossi fl-Eġittu.

Kien waqt il-ħakma Taljana tal-Abissinja (fis-snin 30 tas-seklu li għadda) li l-Knisja Etjopika Ortodossa saret awtonoma mill-Patrijarkat Ortodoss ta’ Lixandra. Saret uffiċjalment awtoċefala (indipendenti) fl-1959. Jingħad li dil-Knisja tħaddan fiha madwar 36 miljun Nisrani. Din il-Knisja għandna l-Patrijarka tagħha f’Addis Ababa, il-belt kapitali tal-Etjopja.

Bosta jiftakru fil-gwerra li qamet fl-1993 bejn l-Etjopja u l-Eritrea, li waslet għall-indipendenza ta’ dan il-pajjiż ġar fl-1994. Eventwalment, il-Patrijarka Kopt Ortodoss tal-Lixandra għaraf il-Knisja Eritrea Ortodossa bħala knisja awtoċefala. Dawn l-Insara jqisu li Filippu (li għammed l-ewnuku tal-Kandaċe fl-Atti tal-Appostli, kap.8) huwa l-fundatur ta’ din il-Knisja li għandha, hi wkoll, il-Patrijarka tagħha, bis-sede tiegħu fil-belt kapitali tal-Eritrea, Asmara. B’kollox hawn madwar 1.7 miljun membru ta’ din il-Knisja.

L-Insara Ortodossi, kemm Etjopiċi, kif ukoll Eritrej, huma marbutin b’ħafna jiem ta’ sawm. B’kollox hemm 250 jum ta’ sawm meta n-nies ma jistgħux jieħdu laħam jew prodotti mill-annimali. Minn dawn il-250 jum, 180 huma obbligatorji anki għal-lajċi. Dawn iż-żewġ Knejjes Tewaħedo għandhom bosta drawwiet li jixbhu dawk Lhud, l-aktar għax minn sekli qabel Kristu kien hemm ħafna emigranti Lhud fl-Abissinja: id-drawwiet jinkludu li l-irġiel u n-nies joqogħdu f’taqsimiet differenti fil-knisja, in-nisa jużaw velu kbir qisu xalla waqt il-liturġija, jiċċelebraw is-Sibt ukoll (apparti l-Ħadd), jidħlu ħafjin fil-knisja (b’tifkira ta’ Mosè quddiem ix-xitla taqbad tal-għollieq) u prattiċi Lhud oħra.

Ġewwa Malta, l-Insara Etjopiċi Ortodossi jużaw il-Knisja ta’ San Ġakbu fil-Belt, waqt li l-Eritrej jużaw il-Knisja tal-Maddalena, fil-Belt ukoll.

Attitudes and Do's in Ecumenism

Everyday reality (start from daily experience)
Clarity in ideas: similarities, differences
Unity-in-diversity
Meaningful gestures
Encounter with the other (who is not a threat)
Non-judgmental (respect and appreciate)
lnformation and resources (from reliable sites)
Sensitivity in words and actions
Movement (unity as we journey together)