Archives

L-intenzjoni tal-quddies

Deskrizzjoni

Proċeduri marbuta mal-intenzjonijiet tal-quddies.

Skont digriet u ċirkolari tad-29 ta’ Lulju 2015 u t-tagħlim tal-Papa Franġsiku (7 ta’ Marzu 2018), il-Quddiesa m’għandhiex tkun marbuta mal-flus jew tidher li għandha prezz; l-offerta hija volontarja u mhux ħlas.

Proċedura

  1. Ħu nota fuq ktieb apposta tal-intenzjonijiet.
  2. Niżżel l-isem, il-kunjom, il-ħin u d-data li fih ser titqaddes il-quddiesa għal dik l-intenzjoni.
  3. Persuna waħda tista’ tagħmel intenzjoni għal persuna waħda jew aktar għal quddiesa waħda.
  4. L-offerta/donazzjoni suġġerita hija ta’ €5. Il-persuna li tkun qed tagħmel l-intenzjoni, minn rajha u jekk tkun tixtieq, tista’ tagħti iktar minn hekk (rif. Ċ 350 03.12.96).

IMPORTANTI

  1. Il-kappillani għandhom id-dmir li nhar ta’ Ħadd u fil-festi tal-obbligu tas-smigħ tal-quddies, joffru quddiesa għal dawk, ħajjin u mejtin, membri tal-komunità afdata lilhom.
  2. Il-Kappillan għandu jara li ma jkunx hemm kunflitt ta’ ħinijiet bejn knejjes jew kappelli qrib xulxin (rif. Ċ 52 13.06.78).
  3. Talbiet biex elemożina tal-quddies tingħata lill-missjunarji għandhom jiġu riferiti lil Mons. Vigarju (rif. Ċ 350 03.12.96).
  4. Saċerdot jista’ jqaddes aktar minn quddiesa waħda kuljum f’każ ta’ ħtieġa pastorali, deċiża mill-Kappillan; m’għandux iqaddes privatament jew jikkonċelebra meta hemm nuqqas ta’ saċerdoti għall-quddies tal-ħin.
  5. Saċerdoti li jqaddsu aktar minn quddiesa waħda kuljum iżommu elemożina waħda biss u l-oħrajn jagħtuhom għall-karità.
Dokumenti

Funeral – tħejjija, quddiesa u reġistrazzjoni

Deskrizzjoni

Proċeduri marbuta mal-ewwel fażi ta’ Funeral.

Proċedura

Meta l-kappillan / ir-rettur jiġi ikkuntattjat mil-familjari jew minn kummissjonant dwar funeral għandu:

  1. Fejn hu possibli, hu jew saċerdot ieħor, iżur lill-familjari xi ħin qabel il-funeral, jitlob magħhom u joffrilhom is-servizz tal-qrar
  2. jipprepara ċ-ċelebrazzjoni tal-funeral, kif ġej:
A. Il-quddiesa u r-ritwal
  1. Jiftiehem id-data u l-ħin tal-quddiesa direttament mal-familjari jew mal-kummissjonant
  2. Jitlob lil familjari sabiex isibu:
    1. Persuna jew tnejn sabiex jaqraw il-qari u s-salm responsorjali
    2. Persuna sabiex taqra t-talbiet tal-fidili (jekk ikun meħtieġ)
    3. Żewġ persuni sabiex itellgħu l-offerti
  3. Jintagħżel il-qari għal waqt il-quddiesa
  4. It-talb tal-fidili, u f’każ li jkun hemm xi talba wara t-tqarbin, ma għandhomx ikunu eloġju fuq il-mejjet/mejta, imma għandhom ikunu talb li jmorru ma’ dik il-parti tal-quddiesa.
  5. Jitlob informazzjoni fuq min ser ikanta u jdoqq waqt il-quddiesa u l-lista tal-kant li se jsir.
  6. Ifakkar li ċ-ċelebrazzjoni ssir b’mod dinjituż skont ir-ritwal u d-direttivi tal-funerali.
  7. Mill-bidu tal-quddiesa sal-ħin li t-tebut joħroġ mill-knisja, ma għandu jsir xejn iżjed għajr dak li jinsab fir-ritwal tal-funerali.
B. Id-direttivi
  1. Jekk se jagħmlu ritratt tal-mejjet/mejta dan irid jitqiegħed fuq wara tal-knisja fejn il-ktieb tal-kondoljanzi u mhux ħdejn it-tebut/urna.
  2. Fuq/fejn it-tebut/l-urna:
    1. Ikun hemm biss Bibbja u kurċifiss (u stola f’każ ta’ saċerdot)
    2. Ma jistgħux jitħallew bnadar:
      1. Bnadar ta’ korpi dixxiplinari u bnadar statali għandhom jintwew pulit u titneħħa minn fuq it-tebut malli jidħol fil-knisja. Jekk tkun ser terġa’ tintuża fl-aħħar, titqiegħed fuq it-tebut qabel ma jintrefa’ biex joħroġ mill-knisja
      2. Bnadar oħra: dawn għandhom jitneħħew qabel ma jidħol fil-knisja, u jistgħu jerġgħu jitqiegħdu ladarba t-tebut ikun inħareġ mill-knisja.
      3. Ma jitpoġġewx fjuri.
  3. Bnadar, stendardi ta’ soċjetajiet u għaqdiet ċivili, eċċ., li jinġiebu fil-knisja fl-okkażjoni ta’ funerali, għandhom jitqiegħdu ħdejn il-bieb ta’ barra.
  4. Ringrazzjamenti: Jekk il-familjari jkunu jixtiequ jirringrazzjaw lin-nies li attendew, dawn għandhom jgħidu liċ-ċelebrant biex hu jirringrazzja lin-nies fl-aħħar tal-Quddiesa.
  5. Messaġġi (poeżiji, eċċ): Jekk il-familjari jkunu jixtiequ jwasslu xi messaġġ, dan jagħmluh waqt id-difna ħdejn il-qabar.
  6. Min jixtieq jieħu ritratti, videos jew live-streaming tal-Quddiesa għandu jitlob il-permess tal-kappillan u taċ-ċelebrant.
Ċ. It-Tariffa għas-servizz liturġiku
  1. It-tariffa għas-servizz liturġiku hi ta €85. It-tariffa tinkludi l-użu tal-knisja u l-elemożina taċ-ċelebrant.
  2. It-tariffa ma tinkludix:
    1. Il-kant
    2. Il-permessi minn awtoritajiet ċivili
    3. Id-dritta taċ-ċimiterju
    4. Spejjeż oħra marbuta mad-dfin u ċimiterji.
  3. Min jixtieq jagħti donazzjonijiet ulterjuri, jista’ jagħmel dan.
  4. Dan ma jfissirx li ma ssirx il-ġabra waqt il-quddiesa.
  5. F’każijiet fejn il-familjari ma jaffordjawx iħallsu t-tariffa, il-familjari stess għandhom jitkellmu mal-kappillan jew rettur tal-knisja fejn ikun ser isir il-funeral.
  6. F’każ ta’ funeral hekk imsejjaħ tal-povri u f’każ ta’ funeral tat-tfal, il-knisja toffri s-servizz tagħha mingħajr ħlas.
D. Reġistrazzjoni
  1. Jitlob il-burial permit oriġinali u 2 kopji lill-kummissjonant
  2. Jirreġistra l-funeral u d-difna fir-reġistru tal-Funerali.
  3. Idaħħal ir-reġistrazzjoni fis-sistema tal-Parish Management [ Iftaħ is-sistema ]
  4. Jekk il-mejjet/mejta ma  kienx residenti fil-parroċċa tiegħek, ibgħat in-Notifika li se jsir/sar funeral fil‑Parroċċa/Knisja tiegħek mill-User Area ta’ parrocci.knisja.mt Iftaħ il-link sabiex il-kappillan tal-parroċċa fejn kien joqgħod il-mejjet/mejta jagħmel nota marġinali fir-reġistru tal-magħmudija.
  5. Jarkivja l-burial permit.
  6. Jekk il-funeral sar fi knisja filjali, ir-rettur jgħaddi l-burial permit lilll-kappillan tal-parroċċa li fiha qiegħda il-knisja/kappella.
Dokumenti

Funeral – wasla fil-knisja, ħruġ u difna

Deskrizzjoni

Proċeduri marbuta mal-aħħar fażi ta’ Funeral.

Proċedura

A. Wasla tal-mejjet/mejta fil-knisja tal-funeral
  1. Hu issuġġerit li l-mejjet/mejta għandu jitwassal il-knisja madwar kwarta qabel il-ħin stabbilit tal-quddiesa.
  2. Mal-wasla tal-mejjet/mejta quddiem il-knisja fejn se jsir il-funeral:
    1. Is-saċerdot jilqa’ lill-mejjet/mejta u l-qraba tagħhom fil-bieb tal-knisja.
    2. Mad-daħla tat-tebut/l-urna fil-knisja tibda purċissjoni sal-post fejn jitqiegħed it-tebut – fil-korsija tan-nofs. Il-purċissjoni għandha timxi hekk:
      1. Is-saċerdot u l-ministri liturġiċi jimxu fuq quddiem
      2. Warajhom jimxu r-reffiegħa bit-tebut/bl-urna
      3. Warajhom ikun hemm il-familjari, il-kummissjonant, in-nies involuti fil-funeral u nies oħra.
    3. Malli t-tebut/l-urna jitqiegħed f’postu, tingħad talba għall-mejjet/mejta u għall-familjari, u l-mejjet/mejta j/titbierek mis-saċerdot jew djaknu.
B. Ħruġ tal-mejjet/mejta mil-knisja tal-funeral
  1. L-ordni fil-purċissjoni tal-ħruġ tat-tebut/urna mill-knisja għandu jkun l-istess bħal tad-dħul, iġifieri:
    1. Is-saċerdot u l-ministri liturġiċi jimxu fuq quddiem
    2. Warajhom jimxu r-reffiegħa bit-tebut/urna
    3. Warajhom ikun hemm il-familjari, il-kummissjonant, in-nies involuti fil-funeral u nies oħra.
  2. Il-korteo mill-knisja għaċ-ċimiterju għandu jmur direttament iċ-ċimiterju.
Ċ. Id-dħul fiċ-ċimiterju u d-difna
  1. Is-saċerdot u l-ministri liturġiċi jimxu fuq quddiem
  2. Warajhom jimxu r-reffiegħa bit-tebut/urna
  3. Warajhom ikun hemm il-familjari, il-kummissjonant, in-nies involuti fil-funeral u nies oħra.
Dokumenti